Rappreżentanti ta’ kumpaniji jixhdu fl-inkjesta kontra Keith Schembri u Brian Tonna

Għadd ta’ rappreżentanti ta’ kumpaniji dehru quddiem il-Qorti biex jixhdu dwar l-allegat każ ta’ ħasil ta’ flus mill-bejgħ tal-passaporti, miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u d-Direttur Maniġerjali ta’ Nexia BT Brian Tonna. Il-każ qed jinstema’ mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fil-magħluq.
L-inkjesta bdiet wara li l-Maġistrat Aaron Bugeja, li qed imexxi inkjesta dwar l-allegazzjoni li mart il-Prim Ministru Michelle Muscat hija sidt il-kumpanija Egrant fil-Panama, iddeċieda li hemm bażi biex tibda inkjesta dwar il-ftehimiet li għamlu Schembru u Tonna.
F’Mejju li għadda l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ppreżenta dokumenti fil-Qorti li fi kliemu juru li €166,831 tħallsu minn tliet Russi lil Tonna wara li applikaw għaċ-ċittadinanza Maltija.
Dr Busuttil allega li Tonna għamel żewġ pagamenti ta’  €50,000 lil Schembri.
Kemm Schembru kif ukoll Tonna kienu qalu li dawn il-ħlasijiet kienu saru bħala ħlas għal xi dejn.