Aġġornata: Pospost is-seminar mar-rappreżentanti Alġerini

Se jiġi pospost is-seminar organizzat mill-Malta Enterprise bis-sehem ta’ negozjanti u kummerċjanti ewlenin Alġerini.

Dan is-seminar kellu jsiru l-ġimgħa d-dieħla iżda se jiġi pospost minħabba tibdil fil-Kabinett Alġerin.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fi żmien li kellu jsir dan is-seminar kienu se jsiru wkoll laqgħat mas-settur kummerċjali f’Malta biex jissaħħu r-rabtiet kummerċjali u l-ħolqien tax-xogħol f’koperazzjoni ma’ dan il-pajjiż fl-Afrika ta’ Fuq.

Malta Enterprise informa lil Newsbook.com.mt li s-seminar se jiġi pospost sakemm tingħata struzzjoni mill-Ministru l-ġdid responsabbli.

Il-kelliema Alġerini għal dan is-seminar se jkun hemm l-eks Ministru għall-Intrapriżi ż-Zgħar u Medji u President tal-Business Forum, Réda Hamiani.

Id-delegazzjoni Alġerina se tkun magħmula wkoll mid-Direttur tal-Borża tal-Alġerija Azziouz Laib u rappreżentanti mill-Kamra tal-Kummerċ.

Fil-ġranet li għaddew, matul iż-żjara fil-Borża ta’ Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien stqarr li wasal iż-żmien li l-Borża tikber globalment u mhux biss fl-Ewropa.