Rapporti ta’ serq ‘pick-pocket’ ittriplaw fl-aħħar snin

Ir-rapporti lill-Pulizija ta’ serq tat-tip pick-pocket prattikament ittripplaw fl-aħħar snin.
Dan joħroġ minn ċifri għall-2008 sal-2014 li l-Ministru tal-Intern Carmelo Abela ppubblika fil-Parlament, bi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
Waqt li l-medja għall-ewwel erba' snin hi ta’ 1,239 rapport fis-sena ta’ oġġetti misruqa, il-medja fl-aħħar tliet snin titla’ għal 3,350 rapport fis-sena.
Fl-2014 weħidha, saru 3,753 rapport lill-Pulizija dwar oġġetti misruqa.
L-iktar tliet tipi ta’ reati li għalihom saru rapporti fl-aħħar seba’ snin kienu dawk ta’ serq ta’ flus kontanti (3,390), serq ta’ credit cards (3,085) u serq ta’ apparat tat-telefon, aktarx ċellulari (2,779).
Iktar minn nofs ir-rapporti saru fl-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan, bi 3,378 rapport minn total ta’ 6,467 rapport li saru fl-istess snin.