Rapporti ta’ serq mir-‘Rumeni’ fin-nofsinhar ta’ Malta

​Fil-ġranet li għaddew waslu rapporti lill-Pulizija fuq serq mid-djar residenzjali fil-Fgura u f’Ħal Luqa.
Jidher li dan is-serq sar bl-istess mod kif saru serqiet oħra f’Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi u għalhekk mhux eskluż li wara dawn is-serqiet hemm involuti l-istess persuni li allegatament huma Rumeni jew Bulgari.
Fil-ġimgħat li għaddew, Newsbook.com.mt kien irrapporta kif serqiet bl-istess mod użat minn dawn l-irġiel barranin, saru mhux biss fl-inħawi ta’ Tas-Sliema imma wkoll f’Ħ’Attard u Birkirkara.
Hekk kif għand il-Pulizija qed jaslu rapporti ta’ serqiet min-nofsinhar ta’ Malta, jirriżulta li f’Tas-Sliema ir-rapporti qed jonqsu.
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt ikkonfermaw li r-rapporti f’Tas-Sliema naqsu.
Wara l-aħħar laqgħa bejn il-Kunsill Lokali f’Tas-Sliema, il-Ministru għall-Intern Manuel Mallia u l-Pulizija, kien ġie deċiż li jiżdiedu r-rondi u l-Pulizija fit-toroq.
Jidher li din id-deċiżjoni ħalliet impatt pożittiv fuq din il-lokalità. Ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku f’Tas-Sliema Anthony Chircop qal li n-naqas in-numru tar-residenti li jmorru l-Kunsill inkwetati minħabba s-serq.
Filwaqt li kkonferma li żdiedu r-rondi mill-Pulizija tal-mobile u tad-Distrett, is-Sindku qal li l-Kunsill qed ikollu laqgħat regolari mal-Pulizija dwar din is-sitwazzjoni.
Qal li l-Kunsill qed jara li fejn jista’ jkun ċertu affarijiet jiġu assenjati lill-Gwardjani Lokali biex il-Pulizija jkunu jistgħu jikkonċentraw l-iżjed fuq il-kriminalità.
Anthony Chircop qal li tressqu proposti u qed isiru diskussjonijiet fuq in-neighbourhood watch iżda l-Kunsill qed jiffoka l-iżjed fuq kif jgħin u jiggwida lin-nies kif għandhom jaġixxu.
Fil-passat f’Tas-Sliema kien hemm neighbourhood watch iżda ma kinitx ħalliet ir-riżultati mixtieqa. 

Ritratt: Media Police