Read in English.
Żagħżugħ ta’ 25 sena nstab mejjet fil-baħar fil-Mellieħa, skont il-Pulizija.
Kelliema għall-Pulizija qalet lil Newsbook.com.mt li saret ħidma ta’ salvataġġ mill-awtoritajiet fl-Aħrax tal-Mellieħa.
Aktar tard, fi stqarrija l-Pulizija qalet li żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Kolombja u raġel ta’ 29 sena mill-Messiku ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM). Dawn it-tnejn, flimkien maż-żagħżugħ l-ieħor li huwa wkoll mill-Kolomba sabu ruħhom f’diffikultà waqt li kienu qed jgħumu minħabba mewġ qawwi.
Skont il-Pulizija, il-Messikan iddendel mal-irdum biex isalva ħajtu. Il-Messikan u l-Kolombjan ta’ 24 sena ngħataw l-assistenza medika fuq il-post.
Fuq il-post kien hemm membri tal-Forzi Armati (AFM), tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Pulizija, u tim mediku.
Kelliema għall-AFM qalet lil Newsbook.com.mt li ntalbet l-assistenza tagħhom biex isalvaw tliet għawwiema f’Coral Lagoon. Persuna minnhom ġiet salvata mill-patrol boat Malita u oħra minn ħelikopter. Il-katavru tal-persuna l-oħra ntlemħet f’qiegħ il-baħar. Tim ta’ bugħaddasa intbagħat għalih.