Rapporti ta’ Kim Jong Un fil-pubbliku wara għajdut li hu marid

KCNA/via REUTERS

Read in English.

Wara ġimgħat ta’ għajdut dwar is-saħħa ta’ Kim Jong Un, l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat tal-Korea ta’ Fuq irrappurtat li l-mexxej żar pjanta ta’ fertilizzazzjoni ‘il fuq minn Pyongyang. Din kienet l-ewwel darba li l-mexxej allegatament deher fil-pubbliku mill-11 t’April ‘l hawn.

L-aġenzija tal-aħbarijiet internazzjonali Reuters ma rnexxilhiex tivverifika r-rapport tal-KCNA.

Ir-rapport tal-Korea ta’ Fuq jgħid li Kim Jong Un attenda ċ-ċerimonja u qata’ ż-żigarella nhar il-Ġimgħa u dawk li kienu preżenti bdew iċapċpu għall-mexxej.

Dehru wkoll ritratti tiegħu jitbissem u jitkellem ma’ diversi persuni, hu u jżur il-pjanta. Reuters lanqas ma rnexxielu jikkonferma l-awtentiċità tar-ritratti. Xi nies li kienu preżenti jidhru lebsin il-maskri fir-ritratti.

Il-Korea ta’ Fuq ma rrappurtat l-ebda każ tal-coronavirus, u qalet li qed tieħu passi ibsin biex tipprevjeni li tfaqqa’ l-imxija. Raġuni għaliex il-mexxej dam ma deher daqshekk fil-pubbliku tista’ tkun li kien qed jieħu l-prekawzjonijiet minħabba l-virus.

Mistoqsi fuq dan ir-rapport dwar Kim Jong Un, il-President Amerikan Donald Trump qal li għalissa m’għandux x’jikkummenta.