Rapporti li l-Avukat Ġenerali ta’ Trump iddiskuta l-kampanja mal-Ambaxxatur Russu

Il-President Amerikan Donald Trump iddeskriva bħala “leaks illegali” rapporti fuq midja Amerikana li qed jallegaw li l-avukat ġenerali tiegħu ddiskuta affarijiet tal-kampanja elettorali Trump mal-ambaxxatur Russu.
Il-Washington Post irrapporta dwar laqgħa li saret mill-avukat ġenerali Jeff Sessions mal-Ambaxxatur Russu għall-Istati Uniti Sergey Kislyak.
Qed jingħad li flimkien iddiskutew il-pożizzjoni ta’ Trump fuq kwistjonijiet importanti għar-Russja.
Waqt il-grilling, Sessions qal li qatt ma ltaqa’ ma' Russi waqt il-kampanja elettorali. Meta aktar tard kien ikkonfermat li vera ltaqa’, Sessions kien qal li l-kampanja ta’ Trump qatt ma kienet diskussa.
Dan ir-rapport huwa wieħed minn seniela ppublikati fuq midja Amerikana li qed jallegaw li persuni ta' madwar Trump iltaqgħu ma’ oħrajn viċin il-Kremlin matul il-kampanja presidenzjali.
Fost dawn, fl-aħħar jiem kien irrapurtat li iben Trump iltaqa’ ma’ avukat Russu li tagħtu informazzjoni li setgħet tħammeġ lil Hillary Clinton.
Kien hemm rapport wkoll li waqt l-aħħar laqgħa tal-G20, Trump u Putin iltaqgħu waħedhom għal-laqgħa mhux skedata.
L-ewwel rapporti kienu ħarġu minn servizzi tal-intelliġenza li qalu li għandhom informazzjoni li r-Russja għenet lil Trump jirbaħ.
Fil-fatt, awtoritajiet u anke l-Kungress Amerikan qed jinvestigaw dawn l-allegazzjonijiet.