Konrad Mizzi jinżamm għal iktar interrogazzjonijiet

Facebook

L-eks Ministru Konrad Mizzi nżamm għal iktar interrogazzjonijiet wara li lbieraħ rapporti qalu li qed jiġi interrogat mill-Pulizija, propjament mit-Taqsima għar-Reati Ekonomiċi (ECU) fil-Ħamrun. Mhux magħruf dwar xiex qed jiġi interrogat u lanqas jekk intalabx imur id-Depot waħdu jew marx b’arrest.

Din il-kamra tal-aħbarijiet ippruvat iċċempel lil Mizzi iżda l-mowbajl kien mitfi. Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Pulizija qal li mhumiex f’pożizzjoni li jiċħdu jew jikkonfermaw l-aħbar:

“In view of Art 87 of the Police Act, we are not in a position to confirm or otherwise such information”.

Tul iż-żmien li għamel ministru, Konrad Mizzi kien iċ-ċentru ta’ ħafna skandli u allegazzjonijiet serji ħafna ta’ korruzzjoni. Huwa kien fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama u l-awdituri tiegħu staqsew ħafna banek biex jiftħulu kont bankarju, fejn skont l-istess awdituri kien se jpoġġi miljun fis-sena. Skont l-istess awdituri kien se jirċievi eluf ta’ ewro kuljum mill-kumpanija 17 Black. Konrad Mizzi dejjem ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina.