Rapporti li Abdeslam deher qrib Brussell

Wara l-konferma tal-qtil ta’ Abdelhamid Abaaoud f’Pariġi, l-attenzjoni tal-investigaturi daret fuq l-uniku terrorista magħruf li ħarab mill-post – Salah Abdeslam.
Rapporti qed jgħidu li fl-aħħar jiem deher fit-toroq ta’ Anderlecht, qrib Brussell, f’karozza bi pjanċi Franċiżi. Il-Pulizija ċċirkolat ukoll ritratti ta’ kif jista’ jidher Abdeslam, jekk jilbes nuċċali u kappell, bit-tama li jekk jidher f’post pubbliku, isiru rapporti dwaru.
Sadattant, l-aħħar filmati ta’ sigurtà f’Pariġi juru lil Abaaoud juża l-ferrovija taħt l-art ftit biss wara li seħħew l-attakki.
Kienu kważi l-10.15pm meta l-kameras tas-sigurtà juruh jaqbeż il-magni tal-biljetti, mingħajr ma jħallas, u jidħol fl-istazzjon tal-ferrovija, li hu biss mal-500 metru bogħod minn fejn instabet waħda mit-tliet vetturi abbandunati.
Intant, fl-appartament f'St Denis fejn sar ir-rejd kontra Abaaoud, instab it-tielet katavru.
Franza ħabbret li nhar il-Ġimgħa, fil-kumpless Les Invalides, se tagħmel ċerimonja kbira ta’ kommemorazzjoni għall-vittmi.