Rapporti kważi kuljum lill-Pulizija dwar siringi qrib skola

Sor Antonia Bugeja, li tmexxi l-iskola primarja Theresa Nuzzo tal-Marsa, qalet ma’ Newsbook.com.mt, li kważi kuljum ikollhom jagħmlu rapport lill-Pulizija dwar siringi użati, li jintremew ‘l hawn u ‘l hemm viċin l-iskola.
Għadd ta’ ġenituri li wliedhom jattendu din l-iskola, qalu ma’ Newsbook.com.mt, li kważi kull filgħodu jinnutaw siringi mormija, u minkejja li l-iskola tagħmel minn kollox biex dawn jinġabru, l-għada jerġgħu jsibu.
Sor Antonia, spjegat kif impjegat tal-iskola, ikollu joħroġ kważi ta’ kuljum biex jiġbor dawn is-siringi, biex ma jkunux ta’ periklu għall-istudenti.
Għalkemm faħħret il-ħidma tal-Pulizija u anke tal-Kunsill Lokali, li malli jsir rapport imorru jnaddfu ż-żona, Sor Antonia saħqet li hemm bżonn sorveljanza 24 siegħa kuljum biex jieqaf dan l-abbuż.
Fakkret kif l-iskola, li tinsab fi Triq Balbi, qiegħda ftit fl-imwarrab u għalhekk ħafna jħossuhom siguri li jmorru hemm jabbużaw mid-droga.
Għalkemm il-vannijiet iwasslu lit-tfal iżjed ‘l isfel minn fejn ikun hemm is-siringi, appellat biex jittieħdu iżjed miżuri biex dan il-periklu jitneħħa darba għal dejjem.
Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni, il-Kunsill Lokali u anke lill-Pulizija.