Rapporti kunfliġġenti dwar jekk Delia ftihemx ma’ tat-taxxa

Is-sit tal-aħbarijiet MaltaToday u l-gazzetta Times of Malta jagħtu rapporti kunfliġġenti dwar jekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ftihemx mad-Dipartiment tat-Taxxa dwar dak li għandu jħallas.
Skont informazzjoni li kienet ippubblikata qabel Delia rebaħ l-elezzjoni għal Kap, huwa kellu jagħti €50,000 f’taxxa u €30,000 f’interessi u ħlasijiet oħra.
Fis-27 ta’ Diċembru, Newsbook.com.mt kiteb lil Dr David Bonello, Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, biex isaqsi dwar is-sitwazzjoni ta’ Dr Delia u d-Dipartiment tat-Taxxa.
Dr Bonello, b’mod differenti għall-aħħar għal kif normalment jitwieġbu l-mistoqsijiet tal-midja, wieġeb billi rreferiena għal rapport li deher fuq il-MaltaToday. Skont dan ir-rapport, Delia qal li riċentement kellu laqgħa mad-Dipartiment tat-Taxxa biex jagħmlu pjan ta’ kif huwa jħallas it-taxxa fuq perjodu ta’ żmien. Delia kompla jgħid lil MaltaToday li l-ġimgħa li għaddiet laħaq ftehim mad-Dipartiment u li dan il-ftehim kien simili għal dak offrut lil oħrajn f’pożizzjoni bħal tiegħu.
Iżda llum 30 ta’ Diċembru l-istorja nbidlet.
Skont rapport fil-gazzetta Times of Malta, kelliem għall-Kap Nazzjonalista qal li Delia kien bagħat applikazzjoni li tintbagħat f’dawn iċ-ċirkostanzi lid-Dipartiment biex iħallas il-flus dovuti, iżda li d-Dipartiment kien għadu ma weġibx.
Newsbook.com.mt jistaqsi liema hija l-verżjoni korretta, hux dik li Delia qal lil MaltaToday jew inkella dik li kelliema għal Delia qal lit-Times of Malta.
Xi staqsejna aktar?
Il-mistoqsijiet li bagħatna lill-kelliem ta’ Dr Delia huma dawn:

  • Dr Delia kien qal li qed jagħmel "l-arranġamenti li sal-aħħar tas-sena dan ikun kollu riżolt". Dan ma jmurx kontra l-impressjoni li ta Dr Delia li kien tkellem b'mod li ħafna fehmuh li se jħallasha?
  • Peress li Dr Delia fl-intervista li kellu ma' Reno Bugeja, qal li se jkun l-aktar wieħed trasparenti "fost kulħadd", tista' tibgħatli kopja tal-ftehim li għamel ma' tat-taxxa?
  • Fejn wasal il-proċess tal-bejgħ li Dr Delia kellu f'ishma f'kumpaniji u li kien qal li se jbigħhom?

X’kien qal Delia?
Fuq il-midja soċjali ħafna kienu qed jikkummentaw u jgħidu li Delia kien qal li huwa se jħallas it-taxxa dovuta sal-aħħar tas-sena.
Newsbook.com.mt sab l-intervista li Reno Bugeja għamel ma’ Delia. Dakinhar Delia ma kienx qal li se jħallas, iżda li l-kwistjoni tiġi riżolta sal-aħħar tas-sena u għalhekk ftehim ma' tat-taxxa – jekk tassew sar – jista’ jitqies bħala mod kif din il-kwistjoni ġiet riżolta.