Rapporti kunfliġġenti dwar dak li seta’ wassal għall-assassinju ta’ Daphne

Waqt li rapporti fil-media qed jorbtu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia mal-kuntrabandu ta’ żejt mil-Libja lejn l-Ewropa, il-prosekutur Taljan Zuccaro qal li huwa sa issa ma sab l-ebda traċċa ta’ rabta ma’ dik li qed tissejjaħ il-pista “taż-żejt maħmuġ.”
It-Times of Malta rrappurtat is-sorsi li qalulha li l-ġurnalista kienet ilha tmiss dal-każ għal dawn l-aħħar ġimgħat, u kien wieħed mill-miri  ewlenin ta’ investigazzjoni ġurnalistika tagħha. B’konnessjoni ma’ dan iċ-ċirku għadhom kif ġew arrestati fl-Italja l-eksplejer Malti Darren Debono u Gordon Debono..
Daphne Caruana Galizia kienet semmiet lil dawn, fi bloggs tagħha s-sena l-oħra.
Sadanittant, ir-Rai irrapporta li hemm konnessjoni bejn il-qtil u l-investigazzjoni Taljana mlaqqma “Żejt maħmuġ”, u s-sejba tas-Semtex, l-isplussiv militari li skond ir-Rai kien użat fil-bomba, u li r-Rai qed jgħid li ġej mil-Libja.
Il-MaltaToday kellmet lill-prosekutur Taljan, il-Maġistrat Carmelo Zuccaro, li ordna l-arrest ta’ Darren u Gordon Debono, u saqsietu huwiex vera dak li ġie rrappurtat fir-Rai, li jista’ jkun hemm konnessjoni bejn il-qtil ta’ Caruana Galizia u dan it-traffikar taż-żejt.
Zuccaro qal lill-ġurnali li sa issa fl-investigazzjonijiet tiegħu għadu ma sab ebda traċċa ta’ relazzjoni bejniethom.
Din li l-medja Taljana qed issejħilha il-‘Pista Libica’ ilha ddur fl-aħbarijiet. F’Awwissu li għadda kien ġie arrestat fi Tripli Fahmi Salim Musa  Bin Khalifa, imlaqqam “ir-re tat-traffikar”, li huwa allegatament imsieħeb ma’ Debono f’kumpanija bl-isem ta’ ADJ Limited f’San Ġwann.
F’dil-kumpanija stess, Nocola Orazio Romeo, Sqalli b’konnessjonijiet mal-Mafja, kellu kumpaniji offshore li kellhom relazzjoni ma’ ADJ Limited. Dan kien ukoll imsemmi fil-Panama Papers. Romeo ġie arrestat ukoll.
Fuq nota differenti, The Malta Independent  illum qalet li hija infurmata li l-laptop ta’ Caruana Galizia ma nstabx qrib it-tifrik tal-karozza kif kien qed jintqal. Il-ġimgħa l-oħra sezzjonijiet tal-midja qalu li l-Pulizija sabet biċċiet mil-laptop tal-ġurnalista mat-tifrik tal-karozza, iżda issa l-ġurnal qed jgħid li sorsi qalulu li dan ma kienx minnu.
Ritratt: Ian Noel Pace