Rapporti jiżvelaw aktar rabtiet bejn Fenech, Schembri u Muscat

Read in English.

Diversi rapport li ħarġu l-Ħadd żvelaw aktar rabtiet bejn Yorgen Fenech u l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.

Fenech iħallas €24,000 għall-kura ta’ Keith Schembri

Fil-gazzetta MaltaToday ġie żvelat kif Fenech ħallas għat-trattament mediku barra minn Malta li Keith Schembri kellu jieħu minħabba t-tumur f’għajnejh. Il-gazzetta żvelat kif ir-rabta bejn Fenech u Schembri kienet tant b’saħħitha li ħallas €24,000 għal żewġ trattamenti li ħa fl-Istati Uniti fl-2016. L-artiklu jikkwota sorsi qrib il-familja Fenech li jgħidu li wieħed mill-kontijiet kien ta’ €10,000 filwaqt li l-ieħor kien ta’ €14,000.

Il-Pulizija investigat l-apparat elettroniku ta’ Fenech hekk kif bħalissa jinsab il-ħabs akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Caruana Galizia kienet żvelat kif Schembri kien qed ibati minn marda f’għajnejh u li għaliha mar kemm fl-Istati Uniti, fl-Ingilterra u anki Ruma biex isib kura għaliha.

Fenech imur ma’ Muscat u Schembri għat-tieġ ta’ Ali Sadr

Il-portal tal-aħbarijiet LovinMalta.com żvela kif anki Yorgen Fenech kien preżenti għat-tieġ tal-eks Chairman ta’ Pilatus Bank Ali Sadr Hasheminejad.

It-tieġ ta’ Ali Sadr sar fl-Italja fl-2015. Hasheminejad ġie arrestat f’Marzu tal-2018 fl-Istati Uniti fuq ksur ta’ sanzjonijiet, ħasil ta’ flus u frodi, u qed jaffaċċja 125 sena priġunerija jekk jinstab ħati.

Fl-istess xahar f’Malta kienet ġiet żvelata l-aħbar li kemm Muscat kif ukoll Schembri kienu marru għat-tieġ ta’ Ali Sadr.