Filmat: Malta u l-Libja jaqblu li jitwaqqfu 2 ċentri ta’ kordinazzjoni għall-immigrazzjoni

Aġġornat 07:01 AM

[فيديو] رئيس وزراء مالطا يختتم زيارة رسمية إلى ليبيا بعد إجراء محادثات مع رئيس المجلس الرئاسي

Posted by ‎المكتب الإعلامي لرئيس المجلس الرئاسي لحكومة الوفاق الوطني‎ on Thursday, May 28, 2020

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo dalgħodu għamlu żjara qasira fil-Libja u ġew lura Malta llum waranofsinhar. Waqt din iż-żjara xi ffirmat ftehim kollettiv bejn Malta u l-Libja biex jitwaqqfu żewġ ċentri tal-kordinazzjoni biex jiġġieldu t-traffikar uman.

L-aħbar kienet żvelata kmieni dalgħodu minn Marc Tilley permezz ta’ tweet. Tilley, li jagħmel parti minn-Network of Humanitarian Action, qal li l-Gvern Malti se jkun qed jiltaqa’ mal-mexxej tal-GNA, Fayez al-Sarraj fi Tripli.

Fi stqarrija wara li ntemmet il-laqgħa, il-Gvern qal li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Prim Ministru tal-Gvern Libjan Fayez al-Sarraj iddiskutew id-diffikultajiet li jaffaċċja l-Mediterran minħabba l-immigrazzjoni irregolari. Dr Abela saħaq fuq il-ħtieġa li jitwaqqaf it-traffikar uman. Min-naħa tiegħu, il-PM Libjan spjega li madwar 80,000 immigrant illegali qegħdin jaslu fil-Libja minn pajjiżi oħra. It-tnejn qablu fuq il-bżonn li tinstab soluzzjoni ħolistika.

Il-PM Abela sostna fuq ir-riżorsi limitati ta’ Malta, u qal li Malta dejjem għamlet li setgħet u rrispettat l-obbligi internazzjonali tagħha f’dan ir-rigward, imma ma tistax tibqa’ terfa’ l-piż waħedha.

Minflok jiffukaw biss fuq ir-rilokazzjoni tal-immigranti, iż-żewġ gvernijiet qablu li jippruvaw jiġġieldu t-traffikar uman, u dan wassal għall-iffirmar ta’ qbil bejniethom. Għalhekk, għandu jitwaqqaf ċentru ta’ kordinazzjoni f’kull pajjiż sabiex jgħin fil-ħidma tal-immigrazzjoni illegali. Dawn iċ-ċentri għandhom jibdew joperaw fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-ftehim jgħid ukoll li Malta għandha tappoġġja lil-Libja fl-Unjoni Ewropea fil-proviżjoni ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija lil-Libja.

Il-Gvern Malti ilu jirsisti għal xhur twal fuq il-bżonn li l-problema li qed iġġib magħha l-immigrazzjoni rregolari mil-Libja f’Malta hemm bżonn li tinqasam b’mod ugwali mal-Istati Membri Ewropej kollha. Il-Gvern qed jgħid ukoll li biex wieħed jelimina l-problema b’mod effiċjenti, irid li jgħin biex jissolvew il-problemi fil-Libja. Liema problemi qed iwasslu għal din l-immigrazzjoni irregolari.

Bħalissa, il-portijiet ta’ Malta jinsabu magħluqa minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Il-Gvern Malti mhux qed jippermetti li jiddaħħlu aktar immigranti fil-pajjiż minħabba dan. Il-persuni li qed ikunu salvati mill-Gvern Malti qed jinżammu fuq dgħajjes tal-Captain Morgan mat-13-il mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Maltija. Bħalissa hemm mat-350 immigrant li qed jinżammu fuq dawn id-dgħajjes. Uħud minnhom ilhom fuq dawn id-dgħajjes għal kważi xahar sakemm il-Gvern Malti baqa’ jinsisti fuq soluzzjoni Ewropea.

L-aħħar każ ta’ grupp ta’ immigranti salvati jmur luea għal nhar it-Tnejn li għadda. 90 immigrant kienu trasferiti għal fuq bastiment tal-Captain Morgan kmieni t-Tlieta.

Minkejja dan, ilbieraħ il-Gvern ippermetta li jiddaħħlu grupp ta’ disat itfal u 18-il mara għal raġunijiet umanitarji.