Rapport tal-PE dwar Malta: Għandhom jitneħħew politiċi li nkixfu mill-Panama Papers u l-FIAU

Waħda mir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-abbozz tar-rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li żaret Malta f’Diċembru li għadda, hija li għandhom jitneħħew mir-rwol pubbliku u jiġu investigati, il-politiċi mdaħħla f'dawk li d-delegazzjoni sejħet atti serji ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus b'rabtiet mal-Panama Papers u r-rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU).
L-MEPs mill-kumitati LIBE u PANA mmexxija mis-Soċjalista Ana Gomes ġew Malta biex jistħarrġu r-rispett tal-liġi f'Malta (is-Saltna tad-Dritt). Dan wara li l-plenarja tal-Parlament Ewropew kienet ivvutat b’mod unanimu biex dawn l-MEPs iżuru Malta.
Minbarra l-ewwel rakkomandazzjoni, isemmu numru ta’ azzjonijiet oħrajn li hemm bżonn jittieħdu fuq livell nazzjonali u anki fuq livell Ewropew.
Fuq livell nazzjonali

  • L-Ewroparlamentari jisħqu li jekk jibqgħu fl-irwol tagħhom dawn jistgħu jaffettwaw il-kredibbiltà tal-Gvern, tikber il-perċezzjoni ta’ impunità u tista’ twassal għal aktar ħsara lill-interessi tal-istat billi l-attività kriminali tkompli tikber.
  • Għandha ssir ħidma biex tingħata aktar saħħa lil-liġijiet Maltin biex issir aktar separazzjoni tal-poteri biex jitnaqqas l-indħil li possibilment isir mill-Prim Ministru fuq il-ġudikatura u fuq il-midja. Jisħqu li għandu jsir assessjar fuq il-pluraliżmu
  • Il-funzjonijiet taċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjari (MFSA) u l-funzjoni tal-promozzjoni tal-investimenti f'Malta għandhom jinfirdu;
  • Għandha ssir riforma tal-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali, biex jinfirdu l-irwoli ta' konsulenza lill-Gvern u l-irwol tal-prosekuzzjoni;
  • Għandha ssir riforma tal-Ġudikatura abbażi tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fl-2013 biex tissaħħaħ is-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza tal-Ġudikatura;
  • Il-Kummissarju tal-Pulizija m’għandux jibqa’ jinħatar mill-Prim Ministru, imma minn entità indipendenti. Bl-istess mod, il-Prim Ministru m’għandux jibqagħlu veto dwar in-nomina tal-Prim Imħallef.
  • L-Att ta’ Protezzjoni tal-Whistleblower għandu jiġi rivedut biex ikopri lill-ħaddiema fis-settur pubblilku. L-eksimpjegat tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) Jonathan Ferris għandu jkollu l-protezzjoni tal-Pulizija u għandha tiġi kkunsidrata serjament l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni taħt l-Att ta’ Protezzjoni tal-Whistleblower.
  • Il-Gvern Malti għandu separatament jippubblika l-lista tal-persuni li qed jingħataw iċ-Ċittadinanza Maltija taħt il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP) u għandu jibda jagħmel assessjar indipendenti tal-programm u tal-proċeduri kontra l-ħasil ta’ flus fl-istess programm.
  • Il-Gvern Malti għandu jibda programm ta’ azzjoni kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità finanzjarja, u jżid in-numru ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet. Dan għandu jinkludi taqsimiet speċjali fil-Pulizija u fil-Qrati, li jkollhom biżżejjed impjegati bi kwalifiki għolja.
  • Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u kull ċittadin Malti għandu jiġi inkoraġġit biex jipprovdi evidenza u jwassal ilmenti formali lill-Korp tal-Pulizija, lill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil ta’ Flus (FIAU) u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) dwar reati kriminali u ħasil ta’ flus f’Malta, bil-għan li dawn iwasslu għal investigazzjonijiet kriminali.
  • Bżonn ta’ investigazzjoni dwar l-allegata pressjoni tal-elezzjonijiet, fejn iddaħħlu aktar ħaddiema fis-settur pubbliku, inħarġu permessi għall-bini, ġew regolati kostruzzjoni irregolari, żieda fil-pagi u promozzjonijiet fl-armata.
  • Bżonn li ssir investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta’ kuntrabandu tal-petrol mil-Libja
  • Terġa’ tiġi assessjata l-importanza li Malta tingħaqad mal-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekutur Pubbliku (EPPO) biex taħdem flimkien mal-istati membri parteċipanti, li jaħdmu kontra l-frodi fl-Unjoni Ewropea u reati kriminali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Fuq livell Ewropew:

  • Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinvestiga jekk l-awtoritajiet Maltin humiex konformi mad-Direttiva Ewropea kontra l-Ħasil ​​tal-Flus u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital, speċjalment dwar l-applikazzjoni ta’ due diligence fuq il-klijenti;
  • L-Awtorità Bankarja Ewropea għandha tevalwa jekk l-MFSA hijiex għal kollox mgħammra u ħielsa minn kunflitti ta' interess biex twettaq id-dmirijiet ta' sorveljanza tagħha;
  • L-Awtorità Bankarja Ewropea għandha tassigura li l-MFSA tissodisfa l-obbligi tagħha bħala awtorità superviżorja nazzjonali fid-dawl li jidher li kien hemm nuqqas ta' azzjoni kontra l-Bank Pilatus u Nexia BT li baqgħu jżommu l-liċenzja lil jipprovdu servizzi fl-UE;
  • Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Awtorità Bankarja Ewropea għandhom jinvestigaw jekk il-Bank Pilatus għandux titteħidlu l-liċenzja
  • Il-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu nota tar-rapport reċenti magħmul minn Mapping Media Freedom dwar il-prattiċi SLAPP li qed jintużaw bħalissa mill-Bank Pilatus u Henley & Partners u jiżguraw b'mod attiv il-protezzjoni tal-midja, il-libertà u l-ġurnaliżmu madwar l-UE billi tipproponi leġiżlazzjoni li tnaqqas dawn il-prattiċi abbużivi;
  • Il-Kummissjoni Ewropea għandha tevalwa l-implikazzjonijiet tal-IIP li permezz tiegħu Malta tbigħ iċ-ċittadinanza Ewropea u r-residenza taż-żona Schengen. L-MEPs jisħqu li dan qed jippermetti żbilanċ fis-Suq Intern,qed ikun ta’ xkiel għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, qed issir promozzjoni tal-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata qed tiġi mbuttata u qed jiżdied il-ħasil tal-flus. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll inċentivi fiskali li jittrattaw id-dħul lokali ta' individwi jew korporazzjonijiet b'mod differenti mid-dħul internazzjonali.

Skont ir-rapport, id-delegazzjoni qablet li l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kien immirat li jbeżża’ lil kulħadd, b’mod speċjali lil dawk li qed jinvestigaw jew iħarrku lil dawk b’każijiet ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni.
Fost il-laqgħat li saru meta kienu f'Malta, huma ltaqgħu mal-Prim Ministru, il-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-FIAU u rappreżentanti tal-Bank Pilatus fost l-oħrajn.
“Konrad Mizzi u Keith Schembri għall-ġustizzja” – David Casa
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu l-grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew irrefera għal dak li kitbu l-Membri Parlamentari Ewropej fir-rakkomandazzjonijiet fuq livell nazzjonali, fejn qalu li dawk kollha involuti fil-Panama Papers għandhom jitneħħew mill-poteri u għandha titwettaq ġustizzja magħhom.
Il-Kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista David Casa qal li dan huwa rapport ċar bi kritika ħarxa għall-mod kif mexa l-Gvern.
Sostna li Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jirriżenjaw immedjatament u l-investigazzjonjiiet dwarhom għandhom jibdew malajr kemm jista' jkun biex issir ġustizzja”.
Temm jgħid li huwa “tal-mistħija li waslna hawn”. Sostna li l-ħsara fl-istituzzjonijiet kienet “iddisinjata u intenzjonata”. 
Tista' taqra r-rapport sħiħ hawn taħt.