Rapport tal-NAO jidentifika nuqqasijiet fil-kuntratti mogħtija mill-FTS

F’rapport li l-Awditur Ġenerali ppreżenta lill-iSpeaker, bl-isem ta’ ‘Foundation for Tomorrow’s Schools: Regularity Audit on Procurement’, ġew identifikati għadd ta’ nuqqasijiet mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS).
Fost l-aspetti li din il-verifika ffukat fuqhom, wieħed isib il- leġislazzjoni li tirregola x-xiri qed tiġi osservata, inkonsistenzi kif tmexxew il-kuntratti, varjazzjonijiet fl-ispejjeż u dewmien fit-tlestija ta’ proġetti.
Matul l-2012 u l-2013, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) assenjat 140 kuntratt, b’valur kuntrattwali ta’ €9.6 miljun. Din ir-reviżjoni ffukat fuq kampjun ta’ 22 proġett, li jirrappreżenta valur kuntrattwali ta’ ’l fuq minn €1.4 miljun.
Fost in-nuqqasijiet li l-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) identifika hemm każijiet fejn l-istima tal-FTS kienet ferm ogħla mill-offerti li rċiviet, tibdil konsiderevoli fix-xogħlijiet ippjanati, varjazzjonijiet sostanzjali, u dewmien notevoli biex tlestew il-proġetti.
L-Uffiċċju nnota li numru konsiderevoli ta’ proġetti damu biex tlestew. F’każi fejn instab li l-FTS kienet responsabbli għal xi dewmien, l-NAO ikkunsidra dan bħala indikazzjoni ta’ nuqqasijiet fl-ippjanar u fl-immaniġġjar tax-xogħlijiet meħtieġa. Min-naħa l-oħra, l-NAO innota li diversi kuntratturi li kienu responsabbli għal xi dewmien qatt ma ġew ippenalizzati kif speċifikat fil-kuntratt.