Rapport tal-MSS juri li t-theddida tal-ISIS riesqa lejn Malta b’pass mgħaġġel

Mir-rapport annwali tas-Servizzi Sigrieti Maltin jirriżulta li t-theddida tal-Istat Iżlamiku qed toqrob lejn Malta b’rata ferm aktar mgħaġġla milli kien imbassar.
Il-konklużjonijiet tar-rapport jindikaw li l-instabbilità fl-Afrika ta’ Fuq hija theddida reali li qed tevolvi u l-esperti tan-Nazzjonijiet Magħquda diġà indikaw li bil-bumbardamenti li qed isiru fis-Sirja, l-militanti tal-Istat Iżlamiku jistgħu jiddeċiedu li jirtiraw lejn il-Libja.
Dan għaliex l-instabbilità f’dan il-pajjiż jidher li qed tkun art fertili għall-ġiħadisti li jridu jokkupaw ibliet importanti.
Ir-rapport jgħid matul is-sena li għaddiet, is-Servizzi Sigrieti Maltin irċevew informazzjoni li fost l-immigranti irregolari jista’ jkun hemm ukoll membri ta’ gruppi terroristiċi.
Ir-rapport jikkonkludi li m’hemmx provi li xi militanti daħlu mal-immigranti iżda s-Servizzi Sigrieti Maltin jinsabu għaddejjin b’ħidma li tindika minn qabel sinjali ta’ estremiżmu f’Malta, b’mod speċjali minn terroristi li jistgħu jwettqu attentati waħedhom.
Matul l-2014, l-MSS ħadmu mal-aġenziji u awtoritajiet internazzjonali sabiex Malta ma tispiċċax bażi għal attivitajiet terroristiċi jew attivitajiet illegali oħra.
Lanqas ma ġew irrappurtati każijiet ta’ hacking fuq il-Gvern Malti matul l-2014.
Ir-rapport tas-Servizzi Sigrieti Maltin tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti.