Rapport tal-Kummissarju għall-Ambjent jintbagħat lill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni

F’Ġunju li għadda, l-Uffiċċju tal-Ombudsman irċieva ilment li jallega proċessi żbaljati waqt li kienet qed tiġi determinata applikazzjoni ta’ żvilupp f’sit fir-Rabat.
L-Ombudsman Parlamentari irrefera l-każ lill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar.
Waqt li kien qed jiġi ikkunsidrat l-ilment, irriżulta li l-persuna li resqet l-ilment ma kellhiex interess personali kif mitlub mil-Liġi tal-Ombudsman biex l-ilment li ressaq jiġi investigat.
L-istqarrija tal-Ombudsman tgħid li għaldaqstant xi punti mqajjma f’dan l-ilment kienu ikkunsidrati bħala ta’ interess pubbliku ġenerali u li kienu diġà fid-dominju pubbliku.
Il-Kummissarju kien tal-opinjoni li l-ilment qajjem punti ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni ta’ regolamenti tal-ippjanar li kienu jimmeritaw investigazzjoni.
L-Uffiċċju tal-Ombudsman ġie infurmat illi l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni kienet qiegħda tinvestiga l-istess ilment.
Wara diskussjonijiet bejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni irriżulta li din tal-aħħar ma kelliex ir-riżorsi neċessarji biex tinvestiga teknikalitajiet relatati mar-regolamenti tal-ippjanar. 
Għalhekk ġie maqbul illi l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar ikompli bl-investigazzjoni tiegħu u jiffoka biss fuq l-aspetti tekniċi mqajjma fl-ilment. 
L-istqarrija tgħid li kien maqbul ukoll illi hekk kif l-investigazzjoni tiġi konkluża, ir-rapport tal-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar jintbagħat lill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni.
L-istqarrija tal-Ombudsman tikkonkludi li l-investigazzjoni min-naħa tal-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar ġiet konkluża u r-rapport tekniku intbagħat lill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni.