Rapport tal-KE jgħid li d-dħul miċ-ċittadinanza huwa ta’ 0.9% tal-GDP

Fit-tbassir ekonomiku tal-ħarifa għal Malta, il-Kummissjoni Ewropea qed tikkonkludi li d-dħul tal-Gvern mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment jammonta għal 0.9% tal-prodott gross domestiku.
Il-Kummissjoni qalet li l-investiment li sar matul din is-sena se jħalli impatt fit-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż, li huwa mistenni li jimmodera.
Il-Kummissjoni qed tbassar li l-ekonomija ta’ Malta se tikber b’4.3% sal-aħħar tal-2015, li hija l-ikbar rata tat-tkabbir f’dawn l-aħħar snin.
Dan se jonqos f’termini reali għal 3.6% fl-2016 u 3.1% fl-2017.
Fit-tbassir intqal li dan it-tkabbir jirriżulta mill-investiment speċjalment dak relatat mal-bini tal-power station il-ġdida.
Il-Kummissjoni qed tbassar li l-flus fil-but tan-nies se jiżdiedu b’riżultat ta’ iżjed impjiegi ġodda, żieda fil-pagi u inflazjoni baxxa.
Qed jiġi mbassar ukoll li l-iżbilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern se jonqos għal 1.7% tal-prodott gross domestiku minn 2.1%.
Matul l-2016, id-defiċit se jonqos għal 1.2%. Id-dejn ukoll mistenni li jonqos minn 68.3% fl-2014 għal 65.9% sal-aħħar ta’ din is-sena.