Awdjo: Rapport tal-Gvern juri li l-impjant tal-BWSC jaħdem b’enerġija nadifa – Jason Azzopardi

F’rapport li l-Gvern Malti bagħat lill-Kummissjoni Ewropea, l-impjant tal-BWSC huwa deskritt bħala “parti mill-isforzi tal-pajjiż biex jimxi lejn enerġija nadifa”.
Waqt il-programm Newsbook fuq RTK, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li dan id-dokument bid-data ta’ Mejju 2014, jitkellem dwar kif se jintużaw il-fondi tal-UE minn Malta għas-seba’ snin li ġejjin.
Jason Azzopardi qal li baqa’ xxukkjat kif dan id-dokument jiddeskrivi l-powerstation tal-BWSC bħala ‘enerġija nadifa’. Iddeskriva din bħala ipokresija meta qabel l-elezzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ibeżża’ lill-poplu Malti bl-impjant tal-BWSC, li kien isejjaħ bħala ‘fabbrika tal-kanċer’.
Fil-programm Newsbook kien hemm preżenti wkoll id-deputat Laburista Carmelo Abela li tkellem dwar is-sieħeb strateġiku li sab il-Gvern biex ikompli jnaqqas id-dejn tal-Enemalta. Abela qal li dan il-pass hu wieħed importanti ħafna għall-pajjiż.
Newsbook.com.mt għandu f’idejh dan id-dokument li jiddeskrivi l-investimenti infrastrutturali li saru matul iż-żmien fil-qasam tal-enerġija, fosthom dettalji dwar l-impjant tal-BWSC.
L-istess dokument jgħid li l-pajjiż baqa’ jinvesti “sabiex jiddiversifika s-settur tal-enerġija billi jagħmel qabża lejn enerġija nadifa, fost l-oħrajn bil-bini tal-impjant il-ġdid ta’ 144 MegaWatts u interconnector ta’ 200MW.”
Isemmi kif se jiġu utilizzati l-fondi Ewropej f’diversi oqsma li minbarra l-enerġija jinkludu fost l-oħrajn sistemi aħjar ta’ mmaniġjar tal-ilma, kompetittività, riċerka u innovazzjoni, is-saħħa u edukazzjoni.
Fid-daħla ta’ dan ir-rapport, id-Deputat Prim Ministru Louis Grech jgħid li l-Gvern jemmen li dan il-pjan ta’ kif se jintefqu l-fondi Ewropej, għandu jkollu l-appoġġ sħiħ tal-imsieħba soċjali kif ukoll taċ-ċittadini.