Rapport tal-ġudikatura jikkritika dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-ġustizzja

Il-ġudikatura ta’ Malta ippubblikat ir-rapport tagħha dwar l-Ewwel Dokument tal-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja. Dan ir-rapport mistenni jiġi ppreżentat lill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat, lis-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici, lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kif ukoll lill-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika.

Stqarrija tal-Gvern tgħid li dan ir-rapport tal-ġudikatura jikkritika diversi aspetti li hemm inklużi fl-ewwel dokument ta’ konsultazzjoni li thejja mill-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja. Dan jiġbor fih il-fehmiet kollettivi tal-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ Malta wara proċess ta’ konsultazzjoni fejn kull membru tal-Ġudikatura kellu l-opportunità li jressaq il-kummenti.

Tema ewlenija kienet dik li tirrigwarda r-rwol tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li ntqal diġà taqdi funzjoni kostituzzjonali dwar il-ħatra, id-dixxiplina u t-tneħħija ta’ ġudikant bil-garanziji meħtieġa għall-ħarsien tal-awtonomija tal-istess ġudikatura.

Dwar it-tneħħija ta’ ġudikant, intqal li l-Kummissjoni għar-Riforma ma kellha ebda awtorità li tidħol f’dan il-qasam iżda hekk għamlet. Il-membri tal-ġudikatura jaqblu li l-aħħar kelma dwar il-ħatra ta’ ġudikant għandha tibqa’ f’idejn l-Eżekuttiv li jġorr ir-responsabbiltà għal din l-għażla.

Rigward il-proċedura ta’ tneħħija ta’ ġudikant, jissuġġerixxu li l-KAĠ għandha tieħu l-inizjattiva hi, u mhux tistenna proposta mill-Parlament.