Rapport tal-ERA dwar il-pompi tal-petrol ilu lest xahrejn

Ir-rapport tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar il-pompi tal-petrol ilu li nbagħat lill-Ministru għall-Ambjent José Herrera xahrejn sħaħ.
Sorsi kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li r-rapport li kien intalab lill-ERA mill-Ministru għall-Ambjent f’Jannar li għadda tlesta fi ħmistax u ntbagħat lill-Ministeru fil-bidu ta’ Frar li għadda.
Is-sorsi jikkonfermaw ukoll li l-politka l-ġdida qed tissottometti regoli aktar stretti għal min japplika biex jibni pompi tal-petrol ġodda.
Il-Ministru kien qabbad lill-Awtorità biex tħejji rapport u tagħmel assessjar tal-politika eżistenti dwar pompi tal-petrol ġodda. Din il-policy kienet daħlet fis-seħħ fl-2015.
Aktar kmieni, l-Awtorità tal-Ippjanar ipposponiet id-deċiżjoni dwar applikazzjoni għal pompa tal-petrol fil-limiti ta’ Ħal Luqa wara li attivisti kienu daħlu għall-għarrieda waqt il-laqgħa pubblika tal-Bord u talbu biex ma tiġix diskussa din l-applikazzjoni.
Mal-gazzetta Malta Today, il-Ministru Herrera ħabbar li se jkun qed iniedi d-dokument li ħejjiet l-ERA l-ġimgħa d-dieħla. Spjega li l-Ministeru jrid jagħmel l-assessjar biex din tkun konformi mal-liġi.
Intant, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Jason Azzopardi kiteb lis-Segretarju tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent biex fil-laqgħa li jmiss, il-membri jiddiskutu dan il-każ tal-policy dwar il-pompi tal-petrol.
Fi kliemu qal li “huwa inutli li tagħlaq il-bibien tal-istalla jekk iż-żwiemel kienu diġa ħarbu.”