Rapport tal-Awditur mimli kundanni għall-Gvern – Delia

PN

Waqt id-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista għandu arma waħda biss – dik tal-verità.
Huwa rrefera għar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Power Station ta’ Delimara u qal li minkejja li l-Oppożizzjoni għamlet il-mistoqsijiet tagħha, il-Gvern ma kienx kapaċi jwieġeb. Delia qal li l- Awditur Ġenerali għamel rapport mimli b’kundanni lejn Konrad Mizzi, l-istess Ministru li ħareġ jgħid li r-rapport jagħtih l-aqwa ċertifikat. Hu qal li dan ifisser li l-Gvern qed jagħti garanzija li, jekk fuq dan il-kuntratt seraq mitejn miljun ewro kull sentejn, fuq kull kuntratt ieħor se jibqa’ jisraq kemm jista’.
Il-kuntratti, fakkar Delia, ffirmhom Konrad Mizzi bħala l-Ministru tat-Turiżmu, meta, skont Delia, l-istess kuntratti ma ried jiffirmhom ħadd aktar minħabba, skont il-kelliem, dak li huwa sejjaħ bħala t-tixħim u l-kobbob li kien fihom.
Dwar l-investigazzjoni ta’ 17black, Delia qal li r-responsabbiltà politika trid tittieħed illum qabel għada.
Delia fakkar ukoll il-qtil ta’ Raymond Caruana u qal li f’dak iż-żmien il-Partit Laburista ħalla lill-kriminali jieħdu f’idejhom il-pajjiż u pproteġijhom. Delia qal fil-ġlieda għad-demokrazija, aktar ma wieħed jipprova jrażżan lill-poplu, l-poplu joħroġ aktar bi ħġaru biex isemma’ leħnu.