Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar nuqqasijiet fil-MEPA

Rapport tal‑Awditur Ġenerali jsostni li diversi fatturi tellfu lill‑MEPA milli timplimenta l‑objettivi tar-riformi, fosthom li min jikser liġijiet ambjentali u tal‑ippjanar irid iħallas għad‑danni.

Id‑Direttorat tal‑Infurzar wiret sitwazzjoni fejn kien hemm numru ta’ każijiet pendenti u żviluppaw proċeduri li wasslu għal dewmien biex jingħalqu każijiet ta’ infurzar.

Għalkemm min jikkommetti l‑irregolarità jrid jagħmel tajjeb għall‑ispejjeż marbuta, il‑MEPA għad trid tiġbor madwar 84% tal-kontijiet li jammontaw għal €438,329 sa Marzu tal‑2013.

Ir-rapport jgħid li d‑Direttorat tal‑Infurzar għad m’għandux sistemi kompjuterizzati u barra minn hekk, in‑nuqqasijiet fl‑infrastruttura tal‑Informatika qed itellfu lill‑MEPA milli żżomm dokumentazzjoni.

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jsostni li l‑MEPA qed timplimenta bidliet fundamentali biex jissaħħaħ l‑infurzar u dan bl-introduzzjoni ta’ multi li jitilgħu għal massimu ta’ €50,000. 

Ir-rapport iżda jsostni li s‑sostenibbiltà ta’ dawn l‑inizjattivi tiddependi fuq it‑tisħiħ ta’ strutturi organizzattivi u ta’ kontrolli interni marbuta mal‑funzjoni tal‑infurzar.

Ir‑Rapport jippreżenta għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-MEPA ibbażati fuq fatturi serji u kwistjonijiet identifikati waqt il‑proċess ta’ verifika.