Rapport ta’ Metsola dwar l-immigrazzjoni approvat mill-PE

Il-Parlament Ewropew approva rapport tal-Ewroparlamentari Maltija Roberta Metsola dwar l-immigrazzjoni.
Ir-rapport, miktub flimkien mal-Ewroparlamentari Taljana Cecile Kashetu Kyenge (S&D), jappella biex ma jibqax jgħodd il-prinċipju li hu l-ewwel pajjiż li fihom isibu ruħhom l-immigranti li jkun responsabbli għalihom.
Ir-rapport intlaqa’ b’459 vot favur, 206 kontra u 52 astensjoni.
Roberta Metsola qalet li r-rapport jqis is-solidarjetà bħala l-bażi ta’ kull azzjoni dwar l-immigrazzjoni, waqt li tenniet li mhemm ebda soluzzjoni ta’ malajr u m’għandux ikun hemm soluzzjonijiet ta’ emerġenza.
Spjegat li r-rapport jagħmel differenza bejn immigranti li jeħtieġu ħarsien umanitarju u dawk li jkunu vvjaġġaw lejn l-Ewropa minħabba xogħol. Jinsisti li għandhom ikunu l-pajjiżi membri tal-UE li jikkontrollaw is-suq tagħhom tax-xogħol.
L-MEP Nazzjonalista enfasizzat ukoll fuq il-ħtieġa li dawk li mhumiex eliġibbli għall-ħarsien jintbagħtu lura u fuq il-ħtieġa ta’ iktar sigurtà.
Il-Parlament Ewropew ivvota wkoll biex pajjiżi terzi, meqjusa siguri, jiġu megħjuna biex ikunu huma li jilqgħu t-talbiet ta’ persuni għall-ħarsien umanitarju.