Rapport ta’ klieb aggressivi jbiċċru l-annimali fix-Xewkija

Xi Għawdxin kitbu fuq il-midja soċjali li hemm grupp ta’ klieb aggressivi fix-Xewkija, li qegħdin iħufu fit-toroq u jattakkaw lil annimali oħra, xi drabi anke joqtluhom. Kelliem għall-Ministeru għal Għawdex ikkonferma li daħal rapport ta’ din ix-xorta.

Newsbook.com.mt tkellem mal-Ministeru għal Għawdex, li qal li s-sezzjoni tal-Animal Welfare fi ħdan il-Ministeru riċentement irċiviet xi rapport u qed tieħu l-azzjonijiet neċessarji u permessi bil-liġi biex dan il-periklu jonqos. Qed tintalab ukoll l-għajnuna tal-pubbliku biex jiġu identifikati dawn ilklieb.

Fuq il-midja soċjali, mara kitbet qatlu t-tiġieġ ta’ nannitha meta daħlulha fir-razzett tal-anqas darbtejn. Huwa mifhum li dan hu grupp ta’ bejn 4 u 5 klieb.