Rapport mis-Sindku tal-Mosta dwar it-toroq fl-aħħar dibattitu tal-Awtorità

Rapport li sar mis-Sindku fil-Mosta dwar l-istat tat-toroq spiċċa fiċ-ċentru tad-diskussjoni waqt l-aħħar dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Għal dan id-dibattitu bit-tema tkun Malta ottimista ħadu sehem il-Ministru Owen Bonnici u s-Sindku Clint Camilleri għall-Partit Laburista, il-Viċi Sindku Matthew Paris u l-Kandidat Karl Tanti għall-Partit Nazzjonalista u l-Kunsillier Ralph Cassar għall-Alternattiva Demokratika.
Fl-interventi tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Kunsilli Lokali m’għandhomx jagħmlu bħal dak tal-Mosta fejn is-Sindku għamlet rapport li fi kliemu kien hemm liema toroq għandhom isiru u liema ma jsirux. Sostna li dan ir-rapport sar mill-kumpanija privata tas-Sindku u żewġha.
Saħaq li dwar dan ir-rapport saret riċerka mid-Direttur tal-Gvernijiet Lokali u kieku sal-lum ħadd ma jaf b’xejn.
Staqsa kif il-Partit Nazzjonalista mhux inkwetat li rapport bħal dan isir mill-kumpanija privata ta’ Sindku.
Karl Tanti qal li skont l-Att dwar il-Kunsilli Lokali, ma kienx hemm kunflitt ta’ interess min-naħa tas-Sindku biex sar dan ir-rapport għaliex is-Sindku għamlitu minn butha mingħajr ħlas.
Saħaq li mhux veru li nżamm mistur għaliex jissemma’ fil-minuti tal-laqgħat tal-Kunsill u tpoġġa wkoll fuq il-mejda għall-Kunsilliera.
Staqsa għaliex il-Gvern qed jitkellem issa fuq dan ir-rapport filwaqt li enfasizza li d-diżgwid li kien hemm fil-leġiżlatura preċedenti fil-Mosta hija turija xi ssarraf tmexxija Laburista.
Clint Camilleri qal li kulħadd jagħraf li f’dawn is-sentejn il-pajjiż mar ‘il quddiem, b’direzzjoni għal Ghawdex u in-nofsinhar ta’ Malta.
Saħaq li s-sentiment ta’ ottimiżmu qed jasal għand kulħadd sal-Kunsilli Lokali.
Qal li l-Kunsilli kollha jkunu jridu iżjed fondi imma l-Partit Laburista biddel id-diffikultajiet f’opportunitajiet u għalhekk ukoll ġew sfruttati fondi Ewropej addizzjonali.
Ralph Cassar qal li huwa inutli li l-Kunsilli jitkellmu fuq proġetti kbar meta jiddependu biss mill-Gvern għall-fondi.
Qal li l-Kunsilli għandhom bżonn finanzjament iktar sod u staqsa kif il-Kunsilli ma jieħdu xejn mil-liċenzji tal-ħwienet, tal-karozzi jew mill-ekokontribuzzjoni.
Sostna li l-Kunsilli tilfu sa 30% tal-fondi wara li ma baqgħux jieħdu kontribuzzjonijiet mill-flus tal-infurzar bħall-gwardjani lokali.
Matthew Paris qal li għandu jkun hawn sentiment ta’ għaqda fix-xogħol tal-kunsilliera għaliex hawn Kunsilli fejn sar il-ġid kemm mill-Partit Nazzjonalista kif ukoll mill-Partit Laburista.
Qal li l-Gvern jitkellem fuq il-pożittività iżjed il-ħin kollu jattakka l-individwi bħall-Kap tal-Oppożizzjoni.
Enfasizza li f’din il-kampanja qed naraw li l-politika ġdida imwegħda ma saritx u sostna li l-elezzjoni tal-kunsilli mhux dwar il-Gvern imma kif kunsilliera jistgħu jagħmlu id-differenza fil-lokalitajiet tagħhom.