Rapport LGBTIQ: Malta fl-ewwel post segwita mill-Belġju u n-Norveġja

Rapport ippubblikat minn ILGA-Europe waqt konferenza f'Liżbona fil-Portugall juri li Malta kklassifikat fl-ewwel post fl-indiċi ILGA-Europe, li jqabbel id-drittijiet ta' persuni LGBTIQ f’49 pajjiż madwar l-Ewropa.
Wara Malta b'91%, ġie l-Belġju b’total ta’ 79%, segwit min-Norveġja bi 78%.
L-indiċi jeżamina s-sitwazzjoni fost l-oħrajn, fl-oqsma tal-ugwaljanza u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, is-sitwazzjoni familjari, ir-reati ta’ mibegħda, il-liġijiet kontra diskors ta’ mibegħda, ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru u l-integrità, l-ispazju fis-soċjetà ċivili u l-ażil.
Propju din is-sena, kien hemm żieda ta’ tliet kriterji ġodda, li Malta diġà toffri fil-liġi nazzjonali. Dawn huma l-kriminalizzazzjoni ta’ terapiji ta’ konverżjoni, it-tneħħija tar-restrizzjoni tal-età u tal-bdil fl-isem għar-rikonoxximent tal-ġeneru. Malta hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li joffri dawn il-liġijiet. 
Din il-klassifika turi wkoll kif Malta hija l-uniku pajjiż li jipprojbixxi interventi mediċi mingħajr deċizjoni infurmata għal persuni interessati.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli, spjegat li l-pass li jmiss biex Malta tkompli żżomm postha fil-quċċata tal-klassifika dwar id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ, hu l-aċċess għall-IVF għal koppji tal-istess sess.
Spjegat li l-Gvern qed jibqa’ jissielet biex jakkwista wkoll id-9% li fadal.