Rapport jikxef kuntrabandu taż-żejt qrib Malta

Rapport ippreparat mill-Esperti tan-Nazzjonijiet Magħquda fuq il-Libja żvelaw iktar dettalji dwar il-kuntrabandu tal-fjuwil barra mill-ibħra territorjali Maltin permezz ta’ bastimenti li jitilqu mill-portijiet Maltin. Ir-rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda jgħid li l-bastimenti li fuqhom ikun hemm mgħobbi l-fjuwil tal-kuntrabandu jkunu madwar 12-il mil ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin jistennew bastiment ieħor biex jgħaddulu dan il-fjuwil. B’hekk il-fjuwil jittieħed lejn id-destinazzjoni finali.

Ir-rapport li kien preżentat lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda jirrakkommanda biex il-membri tal-istess organizzazzjoni jkollhom il-poter li jagħmlu l-ispezzjonijiet fuq bastimenti li jkunu sejrin jew ġejjin mil-Libja fuq ibħra miftuħa u li jkollhom suspett li dawn qed iġorru fjuwil tal-kunrabandu.

Ir-rapport jagħti dettalji dwar kif dawn il-bastimenti jitilqgħu mill-portijiet Maltin lejn il-Golf ta’ Gabes fit-Tuneżija. Malli dawn jaslu madwar 40 sa 60 mil nawtiku ‘lbarra mill-kosta tat-Tuneżija jitifgħu makkinarju partikolari biex ma jibqgħux jidhru fuq ir-radar. Minn hemm huma jsalpaw lejn Żuwarah fil-Libja. Żuwarah huwa deskritt bħal wieħed miċ-ċentri minn fejn jinħareġ fjuwil tal-kuntrabandu ‘l barra mil-Libja. Iż-żejt jiġi minn Żawiyah.

L-allegazzjonijiet dwar il-bastiment Noor

Noor kien bastiment irreġistrat fit-Tanżanija li issa ma għadux jopera. F’Ottubru 2017 kien allegatament li l-bastiment kien iġorr żejt tal-kuntrabandu ‘lbarra mill-ibħra territorjali Maltin. Huwa telaq minn post u ġie lura fl-istess post wara li nieżel sa Żuwarah. Skont ir-rapport tan-Nazzjonijiet Magħquda hemm indikazzjonijiet b’saħħithom li dan ġara iżda ma setgħux jivverfikaw din l-informazzjoni b’mod indipendenti. Il-bastiment spiċċa għall-iskrapp f’Jannar 2018. Skont l-evidenza annessa fir-rapport, in-Noor meta kien fi triqtu lura lejn Malta tefa, għal tlett ijiem, is-sistemi tiegħu. Il-bastiment kien telaq il-barra minn Malta fit-23 ta’ Ottubru u la darba wasal 41 mil nawtiku ‘lbarra mill-port ta’ Gabes dawwar lejn Żuwarah. Fis-16 ta’ Novembru, il-bastiment ma baqgħax jidher fuq ir-radar.

L-Awtoritajiet Libjani b’kollox ikkonfiskaw 4 bastimenti li kienu allegatament involuti fil-kuntrabandu taż-żejt.

Il-kuntrabandu tal-fjuwil jieqaf għal ftit

Skont l-istess rapport l-arresti, fost l-oħrajn tal-Malti Darren Debono mill-awtoritajiet Taljani f’Ottubru 2017, wasslu biex għal ftit żmien waqaf il-kuntrabandu taż-żejt. Skont ir-rapport, Debono kien imdaħħal fl-istess xibka kriminali ma’ Fahmi bin Khalifah magħruf bħala Fahmi Salim li kien wieħed mill-kuntrabandisti prinċipali taż-żejt fil-Libja. Salim kien arrestat f’Żuwarah iżda skont l-istess rapport erba’ minn ħutu komplew bil-kuntrabandu.

Il-vjolenza li qamet fil-Libja matul Settembru u Ottubru tal-2107 waslet biex il-kuntrabandisti kellhom jsibu rotta ġdida għaż-żejt.

Aqra r-rapport sħiħ bl-Ingliż hawn.