Rapport jgħid li seħħew abbużi fuq tfal f’Pennsylvania minn qassisin

Saċerdoti Kattoliċi f’Pennsylvania fl-Istati Uniti abbużaw b’eluf ta’ tfal tul perjodu ta’ 70 sena u sikktu vittmi permezz ta’ abbuż tal-fidi Kattolika u ta’ kampanja sistematika li għattiet l-abbużi mill-isqfijiet tagħhom skont l-avukat ġenerali tal-Istat.

Rapport ta’ 884 paġna li kien ippubblikat mill-Avukat Ġenerali ta’ Pennsylvania Josh Shapiro wara investigazzjoni ta’ sentejn għandu kontenut grafiku ta’ tfal li qed jiġu abbużati mill-qassisin. Huwa qal li r-rapport huwa bbażat l-aktar fuq dokumenti mill-arkivji sigrieti miżmuma mid-djoċesi, inklużi konfessjonijiet bil-miktub ta’ qassisin.

Ir-rapport isemmi li kienu involuti 301 saċerdot u l-vittmi jammontaw għal madwar 1000 persuna.

Shapiro kompla jgħid waqt konferenza stampa li dan kien każ ta’ abbuż sesswali tat-tfal, inkluża l-vjolenza sesswali imwettaq minn adulti irġiel – qassisin – fuq it-tfal.

Rappreżentanti mis-sitt djoċesijiet ta’ Pennsylvania msemmija fir-rapport ma taw l-ebda kumment.