​Rapport isib nuqqasijiet kbar fl-armata Ġermaniża

Rapport li sar dwar l-armata Ġermaniża jgħid li nuqqasijiet fir-riżorsi umani u fit-tagħmir tagħha qed ifixklu b’mod drammatiku l-abbiltà tagħha għall-ġlied.
Ir-rapport li ġie ppubblikat mill-Kummissarju Parlamentari għall-Forzi Armati, Hans-Peter Bartels, jgħid li problem fl-ippjanar u fit-tmexxija tal-armata għamlu s-sitwazzjoni agħar.
Skont ir-rappport, fl-aħħar tas-sena l-oħra ma kienx hemm sottomarini jew ajruplani kbar tat-trasport li kienu lesti biex jintużaw.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Bartels qal li l-kapaċità tal-armata biex twettaq il-ħidma tagħha ma tjibitx fl-aħħar snin iżda marret lura. Spjega li sitta minn sitta tas-sottomarini Ġermaniżi ma kienux qed jintużaw u l-ebda wieħed mill-14-il Airbus A-400M ma setgħu jtiru. Żied jgħid li waqt li kien qed jinkiteb ir-rapport kien qed isir xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-vetturi kollha.
Ir-rapport jiddeskrivi l-kundizzjoni tal-flotta tal-ajruplani, tankijiet, ħelikopters, u vapuri bħala waħda “drammatikament ħażina”.
L-istess rapport jitlob lill-Gvern Ġermaniż biex ifittex li jsiru riformi malajr u biex il-baġit għad-difiża tiżdied.