Aġġornata: Rapport fil-PE approvat wara emendi rilevanti għal Malta

Il-Parlament Ewropew approva ‘Ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni’ ippreżentat minn Membru Parlamentari Ġermaniż u li kien fih diversi emendi rilevanti għal Malta li ddaħħlu mill-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant.
Ir-rapport għadda b’500 vot favur, 137 kontra u 73 astensjoni.
Emendi li daħħal Alfred Sant jinkludu, fost l-oħrajn, element soċjali qawwi u għajnuna statali għal żoni remoti, u ħtieġa ta’ politika speċjali għall-kompetizzjoni għal dawn ir-reġjuni.
Ressaq ukoll emendi dwar it-tassazzjoni, biex din tkun tirrifletti ħtiġijiet partikolari, it-trasport f’reġjuni insulari, trattament preferenzjali għal għajnuna mill-istat, drittijiet tal-konsumatur u l-aspetti globali tal-kompetizzjoni. 
Reazzjoni:
B'reazzjoni, il-Kap tad-delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, David Casa qal li kien jistenna li l-MEPs Maltin kollha kellhom jivvutaw kontra l-introduzzjoni ta' taxxa waħda komuni għall-kumpaniji fl-UE peress li l-pożizzjoni ta' Malta ilha magħrufa. Tenna li l-introduzzjoni ta' din it-taxxa tista' tmur kontra l-interessi ta' Malta.
Fl-istess ħin, sostna li kien jistenna li Ewroparlamentari Malti li kellu rwol fir-rapport kellu jagħmel kull sforz biex ineħħi din il-proposta mir-rapport inkella jivvota kontriha. Saħaq li Alfred Sant astjena dwar din l-emenda u vvota favur ir-rapport sħiħ waqt li l-MEPs l-oħra vvutaw kontra d-dħul ta' din it-taxxa.