Rapport dwar l-iżvilupp sostenibbli jpoġġi lil Malta fit-22 post fost 157 pajjiż

Malta kklassifikat fit-22 post, fost 157 pajjiż, għall-ħidma tagħha biex twettaq l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u s-17-il Għan għall-Iżvilupp Sostenibbli tagħha.
Dan jirriżulta minn rapport ippubblikat mis-Sustainable Development Solutions Network u mill-Bertelsmann Stiftung.
F’kummenti wara li indirizza l-Forum Politiku ta’ Livell Għoli għall-2017 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela qal li din il-klassifikazzjoni tħeġġeġ lil Malta biex tibqa’ taħdem biex tiżgura twettiq olistiku tal-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Il-Ministru saħaq li n-nies hemm bżonn ikunu jafu aktar dwar l-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli li ġew addottati mill-mexxejja tad-dinja f’Settembru tal-2015 waqt Laqgħa Għolja storika tan-Nazzjonijiet Uniti, u li daħlu fis-seħħ uffiċjalment fl-1 ta’ Jannar 2016.
Żied jgħid li fis-sitt xhur tal-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea Malta għamlet progress f’diversi oqsma li jolqtu lil kulħadd, fosthom fil-qasam tal-iżvilupp.
Fost affarijiet oħra, il-Ministru semma l-Kunsens Ewropew, li jirrappreżenta viżjoni u pjan ta’ azzjoni komuni biex jinqered il-faqar u jseħħ żvilupp sostenibbli. Dan ġie ffirmat fis-7 ta’ Ġunju li għadda.
Permezz tal-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-pajjiżi qablu li jaħdmu flimkien biex jinqered il-faqar, jispiċċaw l-inġustizzji, u jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.
Il-Forum Politiku ta’ Livell Għoli hu l-pjattaforma ċentrali tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiġi evalwat fejn wasal il-proċess tat-twettiq tal-Aġenda 2030 u tal-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli.