Rapport dwar it-tbatija tar-Refuġjati fi Myanmar

Rohingyas li kellhom jaħarbu minn arthom jgħixu taħt tined f'Bangladesh

L-Organiżazzjoni Save the Children laqgħet ir-rużultati ewlenin u r-rakkomandazzjonijiet ta’ Rapport Indipendenti li sar minn Missjoni Internazzjoni, dwar is-sitwazzjoni fi Myanmar, liema riżultati tħabbru aktar kmieni din il-ġimgħa.

Sena ta’ ġlied u atroċitajiet fl-istat ta’ Rakhine, wasslu biex aktar minn 700,000 Rohingya ħarbu lejn il-Bangladesh u l-impatt fuq it-tfal kien wieħed devastanti.

B’mod partikolari r-Rapport tal-‘Fact Finding Commission’ sab li:

  • Kien hemm attakki mifruxa u sistematiċi fuq il-popolazzjoni ċivili fl-istati ta’ Rakhine, Kachin u Shan li jammontaw għal delitti kontra l-umanita u delitti tal-gwerra u possibilment ġenoċidju kontra r-Rohingya.
  • F’aktar ġlied f’Rakhina minn Awissu 2017 ‘l hawn, it-tfal kienu suġġetti u araw b’għajnejhom vjolazzjoni serja tad-drittijiet umani fosthom qtil, vjolenza sesswali nies b’xi parti tal-ġisem nieqsa.  Tfal inqatlu quddiem il-ġenituri tagħhom filwaqt li bniet żgħar kienu l-mira ta’ abbużi sesswali.
  • Minn madwar 500,000 tfal Rohingya f’Bangladesh, ħafna waslu hemm weħidhom wara li l-ġenituri tagħhom inqatlu jew wara li kienu mifruda mill-familji. Il-membri li kitbu r-rapport iltaqgħu ma tfal b’feriti viżibbli li jindikaw li xi ħadd kien spara fuqhom, tagħhom b’sikkkina jew ħaraqhom.

Ir-rapport jgħid ukoll li għandu jkun hemm proċess ta’ kontabilità li jkun iffukat fuq il-vittmi, komprensiv u inklussiv u dan irid jiġi mill-komunità internazzjonali biex tispiċċa l-klima ta’ impunità u jkun assigurat li l-istituzzjonijiet kollha tal-istat jaħdmu kif suppost.

Id-Direttur ta’ Save the Children fi Myanmar qal li “x-xiehda preżentata fir-rapport hi ċara. Eluf ta’ tfal f’Rakhine, Kachin u Shan sofrew immensament minn idejn il-militar ta’ Myanmar u gruppi oħra u hemm bżonn li tittieżed azzjoni.

“It-tfal u l-familji tagħhom inqatlu, kienu abbużati sesswalment u mġiegħla jaħarbu minn irħula li ngħataw in-nar u s’issa għad ma saritx ġustizzja magħhom kif hu xieraq. Ir-rapport hu l-ewwel pass imma issa jrid ikun hemm investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet biex tkun assiguratà l-kontabilità,

“Save the Children titlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex jieħu lill-istat ta’ Myanmar quddiem il-QortiKriminali Internazzjonali bla aktar dewmien.  Inħeġġu lill-Kunsill tad-Drittijiet Umani biex meta jiltaqa’ f’Settembru joħloq mekkaniżmu internazzjonali, imparzjali u ndipendenti, b’esperti kwalifikati biex jintervistaw lit-tfal li sofrew u raw b’għajnejhom din il-kefrija. Dawn it-tfal għandhom jingħataw l-għajnuna biex ifittxu ġustizzja, riparazzjoni u ri-integrazzjoni.

“Sal-lum il-Gvern ta’ Myanmar ma ħax passi kredibbli u tempestivi biex jinvestiga dawn id-delitti u jwaqqaf l-impunità anzi ripetutament ċaħad ir-responsabbiltà, fixkel investigazzjoni u ma ħalliex mekkanizmi tad-drittijiet umani, ċaħad l-aċċess għall-vittmi u bagħat il-ħabs ġurnalisti li kienu qed jinvestigaw dak li kien qed jiġri. Issa l-komunità internazzjonali tird tibgħat sinjal ċar lil dawk kollha li wettqu dawn id-delitti, inkluż il-militar ta’ Myanmar li delitti bħal dawn mhux se jitħallew għaddejjin qisu m’hu xejn”.