Rapport dwar il-ħruxijiet mill-militar fi Myanmar

Tfal vittmi tal-ħruxijiet imwettqa mill-militar fi Myanmar

Kummissjoni Indipendenti li nħatret 15-il xahar ilu biex  tinvestiga s-sitwazzjoni fi tliet stati fi Myanmar, il-ġimgħa li għaddiet ippublikat rapport ta’ 440 paġna u fih fost affarijiet oħra rrakkomandat li jkun investigat u proċessat il-Kap tal-Armata tal-pajjiż, il-Ġeneral Min Aung Haling u l-mexxejja ewelnin tal-Armata għal ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra.

“Ma jistax ikun hemm paċi sakemm it-Tatmadaw jibqgħu ‘l fuq mil-liġi”, stqar il-Kap tal-Missjoni li għamlet dan l-istħarriġ. “It-Tatmadaw hi l-akbar impediment biex Myanmar ikun jista’ jiżvilppa bħala pajjiż demokratiku. Il-Kap Kmandant u t-tmexxija attwali tal-Armata għandhom jinbidlu u jsir ristrutturar tal-Armata taħt il-kontroll taċ-ċivil. Il-mixja lejn id-demokrazija fil-pajjiż tiddependi minn din il-bidla radikali fit-Tatmadaw (l-Armata).

Wara li f’Awwissu li għadda il-Kummissjoni kienet bagħtet rapport lill-Kunsill tad-Drittijiet Umani, issa kien pubblikat ir-rapport sħiħ li stabilixxa  li hemm mudell ċar ta’ kif l-armata tikser sistemtikament id-drittijiet umani madwar il-pajjiż kollu.

Il-Kummissjoni għamlet 875 intervista dettaljat li saru f’ħames żoni differenti tal-pajjiż u r-rapport jagħti dettalji u juri kif il-‘modus operandi’ vjolenti hu t-timbru tal-ħidma tal-armata kontra l-poplu fl-istati kollha li żaret.

“Fil-ħidma tagħha it-Tatmadaw, b’mod sistematiku attakkat nies ċivili, fosthom nisa u tfal, wettqet vjolenza sesswali, imxiet b’mod diskriminatorju mal-minoranzi u ħolqot klima ta’ impunità għas-suldati tagħha,” qal Marzuki Darusman, ic-Chairman tal-Kummissjoni. “Ir-rapport sħiħ juri għaliex, fir-rapport tagħna lill-Kunsill tad-Drittijiet Umani, insistejna li dawk li wettqu dan il-ksur gravi tad-drittijiet umani li saru f’Rakhine, Kachin u Shan ma jistgħux  ma jkunux kastigati. Ir-rapport juri wkoll għaliex il-kapijiet tal-armata għandhom ikunu proċessati dwar ġenoċidju fl-istat ta’ Rakhine. Qatt ma rajt krimini hekk orribbli fuq skala tant kbira.”

Ir-rapport juri b’mod dettaljat ħafna il-vjolenza kbira kontra r-Rohingya f’Rakhine mill-25 t’Awwissu tas-sena li għaddiet ‘l hawn, f’dik li l-armata sejħet “operazzjoni biex tisbarazza”. Ir-rapport jgħid li l-Amrata kienet il-perċimess u qatlet eluf ta’ Rohingya, wettqet stupru tal-massa, ħarqet mijiet ta’ villaġġi u sfurzat numru ta’ persuni biex jisparixxu.

Id-Direttur ta’ Save the Children f’Myanmar qal li r-rapport għandu jwassal biex il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jirreferi l-każ ta’ Myanmar lill-Qorti Kriminali Internazzjonali mingħajr dewmien.

Ir-rapport jipprovdi l-prova finali li d-dinja trid tagħmel xi ħaġa. Il-ħruxijiet imwettqa mill-militar fi Nyanmar  ma jistgħux jitqiesu bħala risposta għal xi attakk terroristiku imma kienu maħsuba biex iwasslu għal katastrofi umana li tinħtieġ risposta interanzzjonali.