Min qed ifittex l-ażil f’Malta jaqla’ €3,000 inqas minn Malti b’paga minima

F'kull waħda minn seba' kategoriji ta' immigranti li ġew mistħarrġa nstab li d-dħul medju minn impjieg tal-immigranti li qed ifittxu ażil f'Malta jammonta għal €4,800 f'sena, €3,000 inqas minn kemm jaqla’ Malti fuq paga minima. Barra minn hekk minn 60% sa 90% jinsabu f'riskju ta' faqar u deprivazzjoni.
Dan ħareġ minn rapport maħruġ b’kollaborazzjoni bejn l-Aditus u l-JRS Malta, li jista’ jitqies bħala l-bozza l-ħamra fuq il-qagħda tal-ħajja tal-immigranti li qed ifittxu ażil f’Malta.
Ir-rapport Struggling to Survive: An investigation into the risk of poverty among asylum seekers in Malta, eżamina 72 dar skont kriterji ta’ faqar u deprivazzjoni.
Il-persuni mistoqsija kienu 125 migrant li ilhom sa mill-2014 jgħixu barra mid-detenzjoni ta’ Ħal Far, bi 33 minnhom taħt it-18-il sena. 80% tal-parteċipanti kienu rġiel. Il-parti l-kbira kienu nies mil-Libja, is-Sirja u s-Somalja.
Issir referenza għall-każ tal-immigrant Somalu li nstab mejjet taħt pont fil-Marsa
Katrine Camilleri, mill-JRS Malta, sostniet li l-każ tal-immigrant Somalu li ftit xhur ilu nstab mejjet taħt pont il-Marsa huwa turija tal-bżonn li jkun hemm rapport ta’ dan it-tip li jixħet dawl konkret u dettaljat fuq is-sitwazzjoni.
Dr Julian Caruana, li ħa ħsieb ir-riċerka, tkellem fuq l-istatistika miġbura, kif ukoll spjega r-rakkomandazzjonijiet li dan l-istudju jipproponi. Dan wara li saret analiżi dwar l-għejjun ta’ dħul finanzjarju u l-ostakli li ma jħallux lill-persuna tkun indipendenti ekonomikament. Ġiet eżaminata wkoll kif din l-istatistika tista' tissensel ma’ oħra dwar saħħa mentali u fiżika tal-persuna li qed tfittex ażil.
40% m'għandhomx biex jixtru laħam, ħut jew tiġieġ
Min-nies intervistati, 50% qalu li jinsabu f’qagħda ta’ deprivazzjoni. Persuna deprivata hi persuna li ma jkollhiex biżżejjed biex tgħix b’mod dinjituż. 40% qalu li din is-sitwazzjoni ma tippermettilhomx li jieklu laħam, ħut jew tiġieġ fuq bażi regolari.
Dawn il-kundizzjonijiet kollha, fost oħrajn, jikkontribwixxu għal saħħa psikoloġika u emottiva baxxa immens. 80% tal-parteċipanti qalu li mhumiex sodisfatti bil-ħajja li qegħdin fiha. Instab li ħafna kellhom problemi mentali li wasslu għal dipressjoni.
Uħud mirr-rakkomandazzjonijiet tal-istudju
Fost l-oħrajn l-istudju jirrakkomanda li:

  1. Jintuża l-Minimum Essential Budget for a Decent Living maħruġ mill-Caritas għall-poplu Malti bħala linji gwida għall-awtoritajiet
  2. Tiżdied il-paga minima
  3. Jissaħħu l-benefiċċji soċjali
  4. Is-servizzi ta’ sapport għax-xogħol ikunu estiżi għal kull min fittex l-ażil xi darba
  5. Jiġi ffaċilitat id-dħul ta’ dawn il-persuni fid-dinja tax-xogħol
  6. Jingħataw importanza l-ewwel u qabel kollox il-bżonnijiet tal-persuna u mhux id-dokumenti pprovduti meta jkun se jingħata aċċess għall-benefiċċji

Il-Gvern jagħti €65 fix-xahar lil kull tarbija ta' dawn l-immigranti
Ir-rapport jagħti wkoll sfond għall-benefiċċji li l-immigranti f’residenzi miftuħa jirċievu mill-Gvern. Fost l-oħrajn tarbija tirċievi €65 fix-xahar, u persuna li għandha l-Protezzjoni Umanitarja Temporanja mal-€130 fix-xahar, li huwa l-ogħla ammont li tista’ taqla’. Dan il-benefiċċju jieqaf minn xħin il-persuna ssib xogħol.
Ritratt: Ian Noel Pace