Ir-rapport tal-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Miriam Dalli għat-tnaqqis fl-emmissjonijiet mill-karozzi għadda mill-Kumitat tal-Ambjent u f’Ottubru li ġej l-MEPs mistennija jivvutaw dwaru waqt il-plenarja.
L-MEPs qablu li jnaqqsu l-emmissjonijiet mill-karozzi biex sas-sena 2025 l-emmissjonijiet mill-karozzi u l-vannijiet jonqsu b’20%. Dan filwaqt li ħolqu mira ċara oħra biex sas-sena 2030 l-emmissjonijiet tal-istess vetturi jonqsu b’45%.
F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, Miriam Dalli qalet li dawn huma figuri li jistgħu jintlaħqu. Hija kkwotat studji li juru li jekk l-emmissjonijiet tal-karozzi jonqsu u aktar karozzi nodfa jidħlu fis-suq, il-konsumaturi jkunu qed igawdu għax il-prezzijiet tal-karozzi nodfa jonqsu.
Stqarret ukoll li minn dawn il-proposti, iċ-ċittadini kollha jgawdu għax finalment ikun hemm inqas tniġġis tal-ajra.
Hija saħqet li b’dawn il-liġijiet anke l-industrija tal-manifattura tkun qed tgawdi għax tikber il-kompetittività u l-innovazzjoni anke fost fabbriki Maltin li jipproduċu għodod għall-industrija tal-karozzi.
Ir-rapport għadda mill-Kumitat tal-Ambjent b’38 vot favur, 24 vot kontra u 7 astenzjonijiet.