Randolph De Battista jitkeċċa minn Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista

Aġġornat 10:31 AM

Read in English.

Randolph De Battista tkeċċa minn CEO tal-Partit Laburista, skont ma rrappurtat it-Times of Malta lbieraħ.

Ir-rapport tal-ġurnal jgħid li sorsi qrib il-PL infurmaw lill-gazzetta li De Battista tkeċċa mill-Prim Ministru Robert Abela nnifsu. Jgħid ukoll li issa qed jinstablu xogħol ma’ xi aġenzija tal-Gvern.

Minfloku laħaq George Azzopardi.

De Battista kien ilu jokkupa l-kariga mill-2017 meta ħa post Gino Cauchi. Qabel, huwa kien jaħdem fl-uffiċċju tar-rappreżentanza ta’ Malta fi Brussell.

“Ħadd wara Ħadd tasal ta’ kulħadd” – Neville Gafà

Neville Gafà, persuna kontroversjali fil-Partit Laburista, irreaġixxa għal din l-aħbar billi qal, “Ħadd wara Ħadd tasal ta’ kulħadd.”

Gafà kien jaħdem fil-Ministeru tas-Saħħa sakemm tkeċċa mill-Ministru Chris Fearne, u mbagħad kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

F’Diċembru li għadda, De Battista kien għadda botta fuq Facebook wara li fil-qorti ħareġ li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri tilef il-mowbajl, meta kien qed jiġi investigat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-kumment ta’ De Battista fuq Facebook wera li hu ma emminx lil Schembri.

Gafà huwa ħabib ta’ Keith Schembri, u minn mindu Schembri rreżenja u beda jiġi investigat, Gafà ntlemaħ kemm-il darba qrib id-dar tiegħu fil-Mellieħa. Fil-qorti meta xehed fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Gafà stqarr li ilu ħbieb ma’ Schembri mill-2008 u ġieli jmorru jimxu flimkien.

Fuq il-mowbajl mitluf ta’ Schembri, Gafà qal fil-qorti li Schembri kien inkwetat meta tilfu.

Min hu Neville Gafà?

Fil-bidu ta’ Jannar, waqt il-kampanja għal mexxej tal-Partit Laburista bejn Robert Abela u Chris Fearne, Abela allega li kien hemm xi tbagħbis fil-votazzjoni, u De Battista kien ċaħad din l-allegazzjoni.