Ramona Attard uffiċjalment maħtura President tal-Partit Laburista

Read in English.

Il-proċess tan-nominazzjonijiet għall-ħatra ta’ President, Viċi President, Segretarju Organizzattiv u Segretarju Internazzjonali fi ħdan il-Partit Laburista issa ngħalaq uffiċjalment, u b’hekk persuni ġodda qegħdin jokkupaw dawn il-karigi.

Wara li Daniel Micallef, li kien President tal-Partit Laburista għal dawn l-aħħar snin, daħħal in-nomina tiegħu għal Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit minflok Chris Cardona, il-President il-ġdid hija Ramona Attard, li sa ftit xhur ilu kienet taħdem fl-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru.

Il-bqija tal-uffiċjali maħturin huma Louis Gatt bħala Viċi President tal-Partit Laburista, William Lewis bħala s-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista u Marc Vella Bonnici bħala s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista. Dawn ġew approvati unanimament mill-Eżekuttiv Nazzjonali.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista awgura lill-amministrazzjoni l-ġdida għal aktar ħidma “biex il-Partit Laburista jkompli jkun l-ixprun ta’ aktar xogħol li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.”

Il-President il-ġdid irreżenjat mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar sabiex tkun tista’ tokkupa din il-kariga.