“Rajthom deħlin xurbana l-ħabs billejl”; reazzjonijiet uffiċjali

Il-Ministeru jgħid li ma kienx hemm bżonn passi dixxiplinarji.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni investiga lment li rċieva dwar persuni li f’Lulju li għadda allegatament dehru deħlin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin “jixxenglu, xurbana, fl-4am”.  Dan l-allegat każ seħħ fil-lejl ta’ bejn is-Sibt 10 ta’ Lulju u l-Ħadd 11 ta’ Lulju, f’ħinijiet “mhux meqjusa tal-uffiċċju”.

X’qed jingħad li ġara fl-4am?

Sorsi qrib il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qalu ma’ Newsbook.com.mt li matul dan il-lejl partikolari, daħlet il-ħabs karozza griża tas-servizz bi tliet persuni ġo fiha – xufier u żewġ passiġġieri. Wara ftit minuti, ħareġ mill-karozza “raġel twil, mibni, b’xagħru mqaxxar u bi qmis miftuħa” u warajh ħarġet tfajla “ta’ statura żgħira, b’libsa skullata ta’ lewn abjad”.  “Bil-mod kif kienu qed jimxu kienu jidhru xurbana”, żied jgħid sors ieħor li joqgħod fil-viċinanzi tal-ħabs, li lmenta dwar l-istorbju ta’ sireni kuljum u storbju minn xi attivitajiet fil-ħabs li jinkludu daqq ta’ diski u logħob tan-nar.

Newsbook.com.mt hu infurmat li l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni rċieva dawn id-dettalji dwar persuni li x’aktarx huma impjegati. Intalab ukoll jinvestiga billi jiċċekkja kemm mal-kameras tas-sigurtà li jiċċirkondaw id-daħla tal-ħabs, kif ukoll mil-logging tad-dħul u l-ħruġ u mal-uffiċjali ta’ billejl.

Informazzjoni korretta jew allegazzjonijiet foloz?

L-istess uffiċċju jidher li kkonferma l-awtentiċità tad-dettalji lill-persuna li bagħtet l-ilment, filwaqt li qalilha li l-azzjoni issa tittieħed mill-Ministeru għall-Intern li hu responsabbli tal-faċilità.  L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal ma’ Newsbook.com.mt li għadda d-dettalji kollha biex jiġu investigati mill-Ministeru konċernat, “li hu magħruf li investiga biex joħorġu l-fatti u jieħu l-azzjonijiet meħtieġa”. Iċċara wkoll li llum il-faċilità korrettiva hija aġenzija u taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Intern.

Newsbook.com.mt imbagħad bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Intern, li qal biss li mill-investigazzjoni li saret irriżulta li ċerti allegazzjonijiet ma kinux minnhom, filwaqt li dettalji oħra li kienu spjegati ma waslux għal bżonn ta’ passi dixxiplinarji.

Dan jindika risposti kunfliġġenti li ngħataw lill-persuna li ressqet l-ilment u lil din il-kamra tal-aħbarijiet, hekk kif il-persuna li ressqet l-ilment ingħatatilha konferma tal-każ, filwaqt li Newsbook.com.mt ġie mgħarraf li xi allegazzjonijiet ma kinux veri. 

Ma ttieħdet l-ebda azzjoni

Barra minn hekk it-tweġibiet li ngħataw jindikaw ukoll li ma ttieħdet ebda azzjoni fil-konfront taż-żewġ persuni ‘pajżana’ li tħallew jidħlu fil-ħabs f’ħinijiet meqjusa strambi. La l-Ministeru u lanqas is-Segretarju Permanenti Ewlieni ma spjegaw xi rriżulta mill-investigazzjonijiet. Dan minkejja li d-dħul u l-ħruġ mill-ħabs huwa lloggjat u mmonitorjat minn kameras tas-sigurtà u mill-uffiċjali. 

Newsbook.com.mt ngħata l-ismijiet tal-persuni msemmija, kif ukoll ta’ min saq il-karozza tas-servizz.

Risposti kunfliġġenti

Din mhix l-ewwel darba li ma ngħatatx l-informazzjoni eżatta dwar il-ħabs. F’Ġunju li għadda, Newsbook żvela kif fil-ħabs ta’ Kordin saru BBQs u discos għall-impjegati li minħabba l-pandemija tal-coronavirus kienu qed jgħixu fil-faċilità. Il-BBQs u d-discos kienu jdumu sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu u kien jiġi servut xorb alkoħoliku fi kwantitajiet mhux żgħar. Ġie sparat ukoll nar mingħajr il-permess tal-Pulizija jew polza tal-assigurazzjoni. Madanakollu mir-risposta li ngħatajna mill-Ministeru għall-Intern dakinhar jidher li jew ma kienx ifurmat jew ried jaħbi dak li verament ġara.

Jitħalla joħroġ mill-ħabs mingħajr ħelsien mill-arrest

Ikompli jitfa’ dell skur fuq il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-każ li seħħ ix-xahar li għadda meta l-Ministeru għall-Intern ħatar inkjesta dwar priġunier li tħalla joħroġ mill-ħabs mingħajr ma nħariġlu l-ħelsien mill-arrest. Dan il-każ kien ħareġ fid-deher mill-avukat u kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi. Fil-11 ta’ Awwissu huwa kien ippubblika stqarrija li fiha indika li persuna nstabet barra l-ħabs minkejja li suppost kienet arrestata.

Il-madmad fuq il-ħabs ikompli jagħfas b’mewt wara l-oħra ta’ priġunieri. Nhar is-Sibt li għadda nstab mejjet Malti ta’ 45 sena, li skont l-Aġenziji għas-Servizzi Korrettivi miet mewta naturali. F’Awwissu li għadda fil-Faċilità kien hemm żewġ attentati ta’ suwiċidju. It-Tnejn filgħaxija priġunier ieħor miet wara li kif instab fiċ-ċella tiegħu deher li kien qed jippruva jagħmel suwiċidju.