“Rajthom b’għajnejja jitfgħu lil uliedi fin-nar”

Dil, mara ta’ 31 sena, irrakkuntat lil riċerkaturi mill-organizzazzjoni Xchange mibgħuta fil-Bangladesh biex jeżaminaw is-sitwazzjoni tar-refuġjati Rohingya, kif rat b’għajnejha liż-żewġ uliedha jinħarqu ħajjin wara li ntefgħu fin-nirien mill-militar fil-Myanmar.
Dil spjegat li dik l-għodwa l-estremisti u membri tal-militar bdew joqtlu lin-nies kif ġie ġie, u għadd ta’ nisa ġew attakkati u stuprati.
Kompliet tgħid b’sogħba kbira li rat mill-inqas 20 persuna jinqatlu, u tnejn minnhom kellhom ikunu wliedha.
Rofiq, raġel ta’ 47 sena, tkellem ukoll dwar l-aħħar xena makabra li ra b’għajnejh fil-Myanmar wara li ħarab lejn il-Bangladesh biex ifittex refuġju.
Fi kliemu, “l-estremisti u l-militar tal-istat ta’ Rakhine sgassaw il-bibien tad-djar, u serqu kull oġġett ta’ valur li setgħu jsibu. Użaw il-bombi biex jisplodu d-djar u r-raħal tagħna. Imbagħad bdew jitfgħu lit-tfal ħajjin fin-nirien”.
"Abbużaw sesswalment 10 tfajliet, u wara qatluhom"
Laila, tfajla ta’ 25 sena, spjegat ukoll kif għodwa waħda, membri tal-militar tal-Myanmar daħlu fir-raħal tagħha u qatlu iktar minn 10 tfajliet bħalha, wara li abbużawhom sesswalment.
Hija stqarret li kellha titlaq minn art twelidha meta rat daqstant nies innoċenti jinqatlu u r-raħal li tant kienet tħobb jispiċċa fjamma waħda.
L-abbuż sesswali u l-qtil ta’ tfal innoċenti huma biss żewġ każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li kellhom isofru membri tal-komunità Rohingya, li hija minoranza etnika fil-Myanmar.
Mill-1,360 persuna li ġew intervistati mir-riċerkaturi, 92% qalu li sofrew diżgrazzja jew raw inċident iseħħ quddiemhom, u li dan wassalhom biex ifittxu refuġju fil-Bangladesh.  
Filwaqt li iktar minn 850 persuna qalu li raw binjiet jinqerdu min-nirien, 630 qalu li raw lil persuni jinqatlu filwaqt li 70 qalu li raw il-qtil ta' trabi u tfal.
Kif jidher mir-rakkonti tal-parteċipanti, hemm konsistenzi ċari fl-inċidenti kollha, minkejja li d-dettalji ta’ kull inċident ivarjaw.
L-għan tar-riċerka kien li jiġu investigati r-raġunijiet għalfejn iktar minn 600,000 Rohingya ħarbu minn pajjiżhom, biex b’hekk anke awtoritajiet madwar id-dinja jkollhom stampa iktar ċara dwar l-atroċitajiet li kienu qed iseħħu fil-Myanmar u x’jista’ jsir biex tingħata iktar għajnuna lir-refuġjati.