Rajt periklu bħal dan fit-toroq Maltin?

F’ritratti mibgħuta lil Newsbook.com.mtjidhru żewġ sitwazzjonijiet perikolużi fit-toroq f’Malta. F’ritratt minnhom, hemm trakk għaddej minn ġo Ħal Luqa li hu mgħobbi b’numru konsiderevoli ta’ ċilindri tal-gass. Fir-ritratt l-ieħor jidher vann għaddej bil-bieba ta’ wara miftuħa u bi travu tal-ħadid ħiereġ ‘il barra fil-Marsa.

Il-qarrej li bagħat ir-ritratti tat-trakk spjega kif dan it-trakk għadda minn Triq Ħal Tarxien għal Triq il-Kunsill tal-Ewropa, li fihom xi liwjiet perikolużi. Kompla jgħid li tant kien qed jiċċaqlaq min-naħa għall-oħra minħabba l-piż li kien qed iġorr, li naqqas ħafna biex idur mal-kantunieri.

Minkejja li ċ-ċilindri kienu marbutin, il-qarrej xorta wera t-tħassib tiegħu fuq il-periklu li kien qed joħloq dan it-trakk, b’mod partikolari xħin beda jdur, minħabba l-kontenut taċ-ċilindri.

Jekk rajt xi periklu simili fit-toroq Maltin, ibagħtilna r-ritratti fuq info@newsbook.com.mt.