Rajt periklu? App ġdida fejn tirrapporta

Bsafe app

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) nediet app ġdida li biha wieħed se jkun jista’ jirrapporta attivitajiet li jwasslu għal perikli ta’ saħħa u nuqqas ta’ sigurtà għall-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
L-app bl-isem ta’ BSafe@Work se tkun qed toffri wkoll dettalji dwar prattiċi tajbin fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll tippermetti li l-użanti tagħha jirċievu notifikazzjonijiet dwar l-aħħar aħbarijiet relatati mal-qasam.
Fi stqarrija, l-OHSA spjegat li meta wieħed ikun se jissottometti rapport, l-app se tkun qed toffri varjetà ta’ sitwazzjonijiet minn fejn jagħżel.
Madanakollu, jekk il-persuna tħoss li l-ebda waħda mill-għażliet ma jissodisfaw il-każ tagħhom, jistgħu jiktbu x’inhu għaddej fuq il-post tax-xogħol tagħhom manwalment.
Fir-rapport wieħed għandu ċ-ċans li jissottometti wkoll massimu ta’ sitt ritratti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Mark Gauci qal li l-informazzjoni tista’ tintbagħat b’mod anonimu, kemm bil-Malti, kif ukoll bl-Ingliż. Iżda wieħed se jkun jista’ jħalli d-dettalji personali tiegħu jekk jixtieq li jkun ikuntattjat mill-organizzazzjoni. Liema dettalji personali sostna li jinżammu anonimi.
Wieħed jista’ jniżżel din l-app b’xejn fuq il-mowbajl jew tablet minn fuq il-Play Store jew Apple Store.