Rajt lil tas-CPD bla maskla fil-Magħtab? Ara għaliex

DOI - Omar Camilleri / CPD

Wara li ġew ippubblikati ritratti tal-ħidma tal-membri tad-Dipartiment tal-Protezzzjoni Ċivili (CPD) meta rrispondew għan-nar li kien hemm fil-Magħtab, diversi nies bdew jinkwetaw għas-saħħa ta’ dawn il-ħaddiema meta raw li xi wħud minnhom kienu bla maskla.

Id-Direttur tas-CPD Emmanuel Psaila qal ma’ Newsbook.com.mt li bħal ma kien hemm ritratti ta’ ħaddiema jaħdmu mingħajr breathing apparatus (BA), kien hemm ukoll ritratti ta’ ħaddiema b’dan l-apparat. Saħaq li jista’ jkun li r-ritratti ma jagħtux stampa ċara tad-distanzi bejn id-duħħan u l-ħaddiema.

Fl-aħħar ta’ Awwissu, is-CPD talab lir-residenti tan-Naxxar, San Ġwann, Tas-Sliema u postijiet oħra fil-viċinanzi biex iżommu t-twieqi ta’ djarhom magħluqa. Dan wara li nirien ħakmu Parti mill-WasteServ fil-landfill tal-Magħtab. L-Awtorità tas-Saħħa avżat lill-pubbliku biex jaħsel il-frott u l-ħaxix qabel ma’ jieklu minħabba n-nar li kien hemm fil-Magħtab.

Psaila spjega li dawk il-ħaddiema li ma kellhomx BA kienu f’żona fejn ma setgħux jiġu affettwati mid-dħaħen għax ir-riħ kien ġej minn warajhom. Żied jgħid li kienu f’distanzi twal min-nirien u li nar ta’ dik id-dimensjoni minnu nnifsu joħloq wind draft li jiggarantixxi li d-duħħan jitbiegħed minnu nnifsu.

“Wara li n-nar intefa u għalhekk ma kienx hemm wind draft ingħataw maskli lil kull ħaddiem. Bħala regola kull pumpier huwa mħarreġ u avzat biex qatt ma jaħdem fid-duħħan mingħajr protezzjoni respiratorja u jkollna uffiċjali li jkunu qegħdin iħarsu biex jaraw li kulħadd ikun liebes l-ilbies protettiv kif suppost” qal Psaila.

X’kienet tinvolvi l-ħidma tagħkom dakinhar?

“Il-ħidma kellha tliet prioritajiet; li tikkontrolla n-nirien milli jinfirxu, tħares u tissalvagwardja l-infrastruttura, kif ukoll wara li tikkontrollha n-nirien titfieh malajr kemm jista’ jkun minħabba li d-duħħan kien qed jinfirex mal-pajjiż.  Wara, intradam il-materjal kollu permezz ta’ inġenji biex jitwaqqaf għal kollox id-duħħan u xi hot pockets li kien għad fadal.”

Joħorġu ordnijiet dwar x’ilbies protettiv għandu jitlibes?

“F’kull tip ta’ nirien jew emerġenzi oħra ikun hemm proċedura ta’ x’għandu jintlibes. F’każ ta’ major fire, il-full kit (fire kit) hija obbligatorja. Ma jinħarġux ordnijiet għax huma regoli stabbiliti mal-ħaddiema tas-CPD.”