“Rajt l-aħħar episodju ta’ Merjen bid-dmugħ f’għajnejja” – Fabio Mifsud

Merjen

Ilbieraħ waslet fi tmiemha s-sensiela Merjen li l-istazzjon One xandar fi tlett puntati bi tmiem li bla dubja ħalliet bla kliem lil dawk kollha li kienu qed isegwuha.

Mhux biss it-telespettaturi iżda wkoll l-atturi fosthom Fabio Mifsud li kien qed jinterpreta l-parti ta’ Bertu li stqarr li segwa l-aħħar puntata bi dmugħ f’għajnejh.

“Qatt ma bsart li xi darba kien se jkolli opportunità li nkun fi proġett bħal dan. Rajt l-aħħar episodju ta’ Merjen bid-dmugh f’għajnejja waqt li sellimtlu għall-ahhar darba,” qal hu l-post fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.

L-attur żied jgħid li se jibqa’ jgħożż il-mumenti u l-ħinijiet twal li qatta flimkien mal-atturi kollha kif ukoll l-crew kollu.

Huwa kompla billi ddeskriva lil Abigail Mallia u Carlos Debattista, l-imħuħ wara dan il-proġett bħala persuni kbar u rringrazzjahom talli fdawlu l-parti ta’ Bertu.

“Kemm jien kburi li kont parti minn dan kollu. Esperjenza u mumenti li żgur ħa jibqgħu mnaqqxin f’qalbi,” temm jikteb hu waqt li rringrazzja lil Take 2 Entertainment, li f’dan it-tmiem il-ġimgħa qed itellgħu l-produzzjoni ta’ Min Imissu fit-teatru tal-Università.

Is-sensiela Merjen, ibbażat fuq fatti li seħħew tassew, oriġinarjament inkitbet għat-teatru minn Salvu Mallia u rebħet il-Premju Francis Ebejer. Ġiet addattata għat-televiżjoni minn Carlos Debattista.

L-aħħar puntata se terġa’ tixxandar fuq l-istazzjon One nhar il-Ħadd fl-10.20pm.