“Rajna lill-pulizija joħorġuh minn appartament fix-Xagħra”

Il-Pulizija f’Għawdex arrestat it-tieni raġel involut fl-attentat ta’ serqa minn bar fix-Xagħra din il-ġimgħa.

L-ewwel wieħed, żagħżugħ ta’ 17-il sena ġie arrestat mill-Pulizija dakinhar stess, wara li nżamm mill-vittma li kien għadu kif għalaq il-bar fi Pjazza Vitorja.

Persuni li jgħixu qrib ir-residenza taż-żagħżugħ, qalu ma’ Newsbook.com.mt, li lbieraħ filgħaxija raw lill-Pulizija teskorta it-tieni raġel, li hu barrani, minn appartament fix-Xagħra.

Dan l-arrest ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn sorsi qrib il-Pulizija.  Madanakollu kelliem għall-Korp tal-Pulizija ma kienx f’pożizzjoni li jikkonferma dan.

Il-każ seħħ fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu, meta żewġt irġiel b’wiċċhom mgħammad u b’arma finta ppruvaw jisirqu mill-bar. Dan meta, Ingliż ta’ 47 sena li kien għadu kemm għalaq il-bar u daħal fil-karozza, ġie avviċinat minn dawn iż-żewġt irġiel. Il-vittma rnexxielu jżomm wieħed mill-aggressuri, iżda sofra ġrieħi ħfief.