“Rajna l-ġenna hawn ġew” – Fr Ġiġi

Li tisma’ lil xi ħadd jitkellem dwar is-sodisfazzjon li jikseb fuq il-post tax-xogħol, fil-familja jew f’xi attività, mhix xi ħaġa frekwenti imma lanqas hija xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Qatt, iżda ma kont iltqajt ma ħadd li kien ra l-ġenna fl-art, anzi, fil-post fejn jaħdem. Għal Fr Ġiġi Mallia u David Schembri din kienet ir-realtà.

Jum Kbir

Fr Ġiġi Mallia huwa d-direttur ta’ Dar San Ġużepp u David Schembri, li l-professjoni tiegħu hija ta’ social worker, huwa l-Assistent Direttur. Huma jmexxu din id-dar li tagħti kenn lil diversi subien li għal xi raġuni jew oħra, il-familji tagħhom ikunu għaddejjin minn perjodi ibsin. Drogi, nuqqas ta’ flus, mard mentali, dawn kollha, spjega Fr Ġiġi, huma fatturi li jafu jfarrku familja. David spjega li, iżda, minkejja li dawn is-subien u ġuvintur ma jibqgħux id-dar, Dar San Ġużepp toffri ambjent ta’ dar ukoll. Spjega kif illum l-idea ta’ ‘l-istitut’ ma għadhiex teżisti u dawn is-subien jgħixu fi flats. Ngħidu subien, imma l-etajiet ivarjaw minn 8 snin sa 20 sena. “Illum qed niċċelebraw jum kbir,” tbissem David “għax għandna lil wieħed minn tagħna li se jagħmel konvenju”.

Ġabulhom kalzetti u piġama

Kemm Fr Ġiġi kif ukoll David jisħqu fuq il-bżonn li s-subien ikollhom figura paterna u materna li dejjem jirreferu għaliha. Barra minn hekk, il-flats jieħdu mhux aktar minn ħames subien biex jinżamm l-ambjent familjari. Kien hawn li Fr Ġiġi rrakkonta każ. Lejl minnhom, kienu għall-ħabta tad-9pm, qal Fr Ġiġi, meta s-social workers tal-Aġenzija Appoġġ wasslu żewġt itfal f’Dar San Ġużepp. Il-ħin kien tard imma s-subien fid-dar kienu jafu li dawn iż-żewġt itfal kellhom aktarx jiġu joqogħdu hemm. Iż-żewġt itfal kienu mbeżżgħin, qal Fr Ġiġi, li huwa naturali u d-dar kellha kollox ippreparat għalihom. F’ħin minnhom bdew ħerġin subien minn kullimkien, min iġibilhom piġama, min kalzetti u bosta affarijiet oħra. Kien hemmhekk li Fr Ġiġi tenna l-oħla kliem li qatt smajt f’intervista s’issa “rajna l-ġenna hawn ġew f’dak il-ħin”.

Jagħtuhom l-għodda għall-ġejjieni

Il-ħajja f’Dar San Ġużepp hija ta’ familja normali: tfal li jmorru l-iskola, il-futbol u attivitajiet oħra, id-duttrina, il-homework u dak kollu li jsir f’familja. Il-preżenza sostanzjali ta’ nisa fil-post tgħin biex dawn it-tfal jidraw f’ambjent familjari. Ir-reliġjon mhux problema u għalkemm ikun hemm min ikollu reliġjon differenti, it-tfal ma jagħtux każ ta’ dan u jintegraw sew bejniethom. Kemm Fr Ġiġi kif ukoll David għandhom għan wieħed: li dawn it-tfal jibdew il-ħajja fuq saqajhom b’mod indipendenti u sħiħ.

Dar San Ġużepp tinsab f’Santa Venera u titmexxa mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.

Filmat: Miguela Xuereb