Rainbow Cake

Ritratt: Maria Pace

Riċetta ta’ Maria Pace

Ingredjenti għall-kejk:

  • 5 bajdiet
  •  400g dqiq
  • 2 mgħaref baking powder
  • 2 mgħaref zokkor abjad
  • kuċċarina melħ
  • 4 mgħaref essenza tal-vanilla
  • 600g butir
  • 400ml ħalib
  • Sitt food colourings – aħmar, ikħal (blu), aħdar, isfar, oranġjo u vjola

Ingredjenti għaċ-ċikkulata:

  • 60g krema
  • 500g icing sugar – żid skont kemm ikollok bżonn
  • 5 mgħaref Nutella
  • 250g butir
Ritratt: Maria Pace

Metodu:

Saħħan il-forn fuq temperatura ta’ 325F.

Ipprepara sitt dixxijiet tal-kejk tondi skont id-daqs mixtieq. Dawruhom minn ġewwa b’karta forn biex il-kejk ma jeħilx jew użaw dixxijiet tas-silicone.

Ġo skutella naqra mdaqqsa  ħawwad flimkien il-butir u z-zokkor. Kif it-taħlita tibda tagħqad ibda żid il-bajd waħda waħda u ħawwad. Kif tlesti itfa’ l-essenza tal-vanilla u l-ħalib .

Ġo skutella oħra, ilħaq ħallat flimkien id-dqiq, il-baking powder u l-melħ.

Kif tlesti ħallat nofs it-taħlita tad-dqiq mat-taħlita l-oħra u ħawwad sew.

Kompli ħawwad il-kumplament tad-dqiq u ħawwad sakemm kollox jagħqad f’daqqa.

Qassam it-taħlita ġo skutelli differenti. Uża kuċċarun wieħed għal kull skutella. (Irid ikollok sitta). Ġo kull skutella żid il-kulur. Kull skutella jrid jkollha kulur differenti. Ħawwad u kif tlesti ibda żid ġo dixxijiet preparati.

Sajjar għal madwar 10-15-il minuta jew sakemm isir in-nofs tal-kejk. Dan tista’ tiċċekkjah billi tuża toothpick. Daħal fin-nofs tal-kejk biex tiċċekkjah.

Jekk m’għandekx sitt dixijiet tal-kejkijiet jew m’għandekx spazju għal sitta fil-forn, mhux problema. Aħmi ftit ftit skont in-neċessità tiegħek.

Kif tlesti ħallihom jiksħu mbagħad oħorġuhom minn ġod-dixx.

Sakemm jiksħu l-kejkijiet, ilħqu ppreparaw il-krema tan-Nutella.

L-ewwel ħollu l-butir u kif jinħall ġo skutella żid il-butir, in-Nutella, l-icing sugar u l-krema u ħawdu sakemm kollox jingħaqad flimkien.

Icing sugar użaw ftit ftit. Titfgħux il-500g f’daqqa għax jaf ma jkunx hemm bżonn daqshekk.

Kif jiksħu l-kejkijiet ibdew għaqqdu l-kejk bil-mod.

Fuq platt tond apposta l-ewwel itfgħu l-kejk ta’ kulur vjola u iksu fuq biċ-ċikkulata. Wara poġġu l-kulur blu u iksu biċ-ċikkulata. Wara l-aħdar, l-isfar, l-oranġjo u l-aħmar u dejjem iksu biċ-ċikkulata.

Kif tlestu s-saffi iksu d-dawra biċ-ċikkulata u żejnu kif tixtieq qalbkom.

Daħħluh fil-friġġ għal 30 minuta biex tagħqad sewwa iċ-ċikkulata tal-madwar.

Ritratt: Maria Pace

Nota: Jekk ma sibux tixtru l-kuluri kollha, speċjalment il-vjola, ħalltu l-blu mal-aħmar u tkunu għamiltu l-kulur vjola.