Rejd fl-Armier: 5 trakkijiet iġorru sunbeds ikkonfiskati

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) flimkien ma’ membri tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit għamlu rejd fil-bajjiet ta’ madwar l-Armier fil-Mellieħa, fejn ikkonfiskaw mijiet ta’ sunbeds.
Skont informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt ir-rejd bdiet fil-5am u jidher li fuq il-bajjiet inqagħlet konfużjoni sħiħa.
Dan hekk kif il-ħidma tal-Pulizija qanqlet rabja kbira fost l-operaturi tal-lidos li ħallsu eluf ta’ ewro għal-liċenzja biex ikunu jistgħu jarmaw is-sunbeds fuq il-bajja.
L-operaturi intalbu wkoll biex jaqilgħu l-istands tal-umbrelel minn ġor-ramel.
Issa mill-inqas 20 metru mill-baħar huwa vojt mis-sunbeds u umbrelel.
Sadattant fi stqarrija l-Attivisti fil-Kamp Emerġenza Ambjent  qalu li nnutaw li bosta bajjiet madwar Malta u Għawdex ġew meħudha minn entitajiet kummerċjali li qed jimlewhom b’deckchairs u umbrellel minn filgħodu kmieni.
Sostnew li fil-prattika, dan qed iwassal biex bajjiet pubbliċi, postijiet li qegħdin hemm għat-tgawdija minn kulħadd qed jinbidlu fi spazji privati għall-qliegħ tal-ftit.
Għalhekk in-nies qed ikunu mġiegħla jagħżlu bejn li joqogħdu fil-ftit spazji iffullati li jkun fadal jew iħallsu sabiex jikru umbrella u deckchair. 
Saħqu li l-kumpaniji għandhom iwaqqfu immedjatament dawn il-prattiċi tar-regħba li qed joħonqu l-bajjiet pubbliċi, u li l-awtoritajiet ikkonċernati jiżguraw li d-dritt tan-nies li jgawdu dawn il-bajjiet ikun imħares.