Rai Uno llejla jfakkar lil Mia Martini

Serena Rossi bħala Mia Martini. Ritratt: RAI

Għal dawk li jħobbu l-mużika Taljana, illejla l-istazzjon nazzjonali Taljan Rai Uno se jkun qed ifakkar lill-kantanta ċelebri Mia Martini permezz ta’ żewġ programmi speċjali li se jkunu qed jixxandru wara xulxin.

Fit-8.35pm Techtechte Superstar se jkun wieħed speċjali ta’ satejn bl-isem ta’ Loredana e Mimì Sorelle per Sempre.

Matul din is-serata se jitwasslu l-aktar siltiet popolari li huma ħarġu minn Piccolo Uomo, E la luna bussò għal Almeno tu nell’universo, Il mare d’Inverno u Non Sono Una Signora.

Se jitwasslu wkoll siltiet minn intervisti rari li dawn iż-żewġt aħwa taw matul is-snin.

Mia Martini mietet nhar it-12 ta’ Mejju 1995, f’ċirkostanzi li sal-lum jitqiesu misterjużi. Oħtha Loredana, din is-sena rajniha tipparteċipa f’Sanremo u aktar tard f’Amici.

Dan id-dokumentarju ta’ satejn se jkun segwit minn film televiżiv li din is-sena l-ewwel intwera f’xi ċinemas Taljan imbagħad għadda għat-televiżjoni biex ixxandar eżatt fil-ġimgħa ta’ wara Sanremo, festival li tul is-snin, Mia Martini kienet rebħet darbtejn.

Dan il-film se jixxandar illejla fl-10.30pm, dejjem fuq Rai Uno, eżatt wara li jkun ixxandar il-programm speċjali ta’ satejn.

Io Sono Mia għandu lil Serena Rossi fil-parti ewlenija ta’ Domenica Be jew aħjar  magħrufa bħala Mimì jew aħjar Mia Martini.

Il-film iwassal ir-relazzjoni kumplessa li l-kantanta kellha ma’ missierha li kien għamillha bosta bsaten fir-roti. Il-film jitratta wkoll kapitlu important f’ħajjet din il-kantanta, meta saret tħobb, liema storja ma kellhiex tmiem feliċi.

Mia Martini rrappreżentat lill-Italja fil-Eurovision Song Contest darbtejn, fl-1977 bil-kanzunetta Libera fejn ikklassifikat fl-14-il post u fl-1992 bil-kanzunetta Rapsodia li ġiet fir-raba’ post.

Il-film hu wieħed mimli emozzjonijiet kif ukoll iwassal uħud mis-suċċessi mużikali ta’ Bertè, interpretati minn Serena Rossi, magħrufa għas-serje Un Posto al Sole, li hawnhekk tinterpreta lil din il-kantanta leġġendarja.